Net, fekruna ta’ ħames snin, reġgħet tinsab fl-ambjent naturali tagħha wara li dalgħodu ġiet rilaxxata fil-preżenza tal-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, uffiċjali mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, u studenti tal-Young Reporters for the Environment.
Net ġiet salvata f’Diċembru li għadda f’Għawdex, fejn kienet instabet bil-ganċijiet. Hija ġiet salvata u kkurata min-Nature Trust Malta. Dwn huma l-kummenti tal-President tan-Nature Trust Malta, Vince Attard.
“Bl-għajnuna tal-ERA din dewwejniha, u anke bi sponsors oħra, biex setgħet tfiq u nerġgħu nirrilaxxawha fil-baħar u illum tlaqniha fl-okkażjoni, anke mat-tfal tal-iskejjel, sabiex japrezzaw il-problema li joħloq l-iskart fil-biodiversita tal-baħar.”
Apparti mill-attivitajiet li ġew organizzati għat-tfal tal-EkoSkola, ġiet imnedija kampanja bl-isem ta’ #Litterless. Din il-kampanja se jmexxuha l-Fondazzjoni għall-Edukazzjoni Ambjentali u n-Nature Trust Malta. Il-Ministru Miriam Dalli qalet li din il-kampanja se tkun qed tinforma lin-nies dwar l-impatt tar-rimi tal-iskart fl-ambjent.
“Qegħdin inniedu din il-kampanja biex ma narmux, għax tajjeb li nwasslu l-messaġġ li dak kollu li narmu, mhux biss fil-bajjiet tagħna, fit-toroq tagħna, fil-kampanja tagħna, f’pajjiżna, jispiċċa fil-baħar u jispiċċa jakkawża konsegwenzi negattivi fuq l-annimali tal-baħar.”
Aktar minn tliet miljun u sitt mitt elf student minn aktar minn 6,000 skola madwar id-dinja pparteċipaw fil-Kampanja #Litterless f’dawn l-aħħar 11-il sena.
Il-kampanja tnediet fl-2011 u għadha kif daħlet fil-ħames fażi tagħha. Se tkun implimentata f’7 eko-skejjel f’Mala u f’4 pajjiżi barranin sal-2025. Il-fokus għall-kampanja ta’ din is-sena se jkun it-tniġġis u l-effett fuq l-ambjent.