Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni, is-Sur Silvio Schembri, sostna li hija evidenti l-bidla fil-mentalità fis-settur pubbliku u għalhekk illum wieħed jitkellem fuq it-tema ‘Lejn Servizz ta’ Eċċellenza’ għaliex sar xogħol kbir li bih illum iċ-ċittadin qed jingħata servizz aħjar. “Għalhekk qed nesploraw u naraw il-valur u l-benefiċċji tal-Intelliġenza Artifiċjali bħala sors li jista’ jtejjeb is-servizzi. Huwa dan li nkunu qed infissru meta nirreferu għal AI Powered Government – li nieħdu l-valur essenzjali tal-Intelliġenza Artifiċjali,” qal is-Segretarju Parlamentari Schembri meta t-Tnejn filgħodu indirizza seminar dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fl-Amministrazzjoni Pubblika li ġie organizzat bħala parti mill-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku 2019 li għandha t-tema “Lejn Servizz ta’ Eċċellenza”.
Is-Segretarju Parlmentari żied jgħid li minn meta twaqqfet il-Malta.AI Taskforce, responsabbli mit-tfassil tal-istrateġija nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali, saru bosta laqgħat ma’ entitajiet, imsieħba, dipartimenti u awtoritajiet u dan għax huwa qasam li se jolqot lil kulħadd. “L-istrateġija nazzjonali dwar l-Intelliġenza Artifiċjali hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha għal pajjiżna u qed naraw li l-istess strateġija jkollha viżjoni fit-tul – dik li sal-2030 Malta tkun fost l-aqwa 10 pajjiżi fid-dinja li kienu ta’ impatt għall-programm nazzjonali tal-Intelliġenza Artifiċjali,” qal is-Segretarju Parlamentari Schembri.
Żied jgħid li l-istrateġija tat importanza assoluta lill-aspett etiku tant li nħareġ dokument għal konsultazzjoni dwar il-qafas etiku tal-Intelliġenza Artifiċjali mibni fuq il-linji gwida dwar l-etika tal-Unjoni Ewropea li jħares lejn it-tkattir ta’ Intelliġenza Artifiċjali affidabbli u ta’ fiduċja.
“Bil-pjan ta’ diġitalizzazzjoni li qed ikun u se jibda jkun implimentat fis-snin li ġejjin, se nkunu qed inpoġġu lil dan il-gvern u s-Servizz Pubbliku bħala l-mera tal-futur,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Schembri.
“Fuq it-teknoloġija jistrieħ il-ġejjieni tas-Servizz Pubbliku” – Mario Cutajar
Is-seminar kien indirizzat ukoll mis-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, li qal li t-teknoloġija hi l-ġejjieni li fuqha jistrieħ is-Servizz Pubbliku. “L-investiment ewlieni tagħna, anke fejn jidħlu riżorsi umani, huwa f’din id-direzzjoni,” qal is-Sur Cutajar.
Huwa semma kif f’dak li għamel is-Servizz Pubbliku f’dawn l-aħħar sitt snin, ma ħalla barra lil ħadd u lill-klijenti għamilhom il-punt fokali tas-servizzi li joffri. Fil-fatt, fl-ewwel viżjoni li wettaq, is-Servizz Pubbliku għamel is-servizzi tiegħu aċċessibbli minn kulħadd kullimkien 24 siegħa kuljum matul is-sena kollha. Dan permezz ta’ mobile apps, eforms u online one-stop-shop, fost oħrajn. Madankollu, żamm f’moħħu wkoll lill-klijenti li mhumiex midħla tat-teknoloġija u ressaq is-servizzi tiegħu lejn il-klijenti billi ħoloq il-hubs reġjonali ta’ servizz.gov.
It-tieni viżjoni li qed titwettaq mis-Servizz Pubbliku, qal is-Sur Cutajar, hija dik tal-Once Only Principle, fejn il-klijent jagħti d-dettalji tiegħu darba biss meta jiġi bżonn xi servizz. Din il-viżjoni tirrikjedi li d-data taqsam minn dipartiment għal ieħor u li s-Servizz Pubbliku ma jibqax jaħdem b’sistema ta’ silos.
Is-Sur Cutajar qal li fiż-żewġ viżjonijiet, b’investiment ta’ miljuni ta’ ewro, is-Servizz Pubbliku qed jagħmilha ċara li jemmen li t-teknoloġija hi l-ġejjieni tiegħu. Is-Servizz Pubbliku jrid ikun ta’ eżempju: il-mira tiegħu mhix biss li jkun employer mudell iżda wkoll innovatur mudell, li jbiddel il-mentalità u jadotta dak li għamel biex jagħti l-aħjar servizz lilll-klijenti għall-back office wkoll. Mhux biss, iżda jrid ikun ta’ eżempju wkoll fejn jidħlu etika, trasparenza u kontabilità.
Fl-Intelliġenza Artifiċjali, kompla s-Segretarju Permanenti Ewlieni, jista’ jkun hemm theddida kbira għall-kontabilità iżda din l-isfida tista’ tingħeleb bil-ħolqien ta’ strutturi ġodda li jiggarantixxu permanenza. L-Intelliġenza Artifiċjali hija opportunità kbira biex is-Servizz Pubbliku mhux biss jantiċipa l-ħtiġijiet tal-klijenti tiegħu iżda wkoll jeċċedihom, qal is-Sur Cutajar filwaqt li semma kif is-Servizz Pubbliku jrid joqgħod attent biex jibża’ għall-ilsien Malti fl-użu tat-teknoloġija.
Is-Sur Tony Sultana, Chairman Eżekuttiv tal-MITA, meta indirizza s-seminar tkellem dwar l-importanza tat-teknoloġiji emerġenti u l-importanza li kwalunkwe pjan strateġiku li jitfassal ikun jinkludi t-teknoloġija. Huwa rrefera wkoll għas-cybersecurity u għas-cyber threats u wissa li dawn tal-aħħar qed isiru aktar frekwenti u sofistikati, tant li biex tilqa’ kontrihom trid bilfors tinvesti f’soluzzjonijiet sofistikati li jiswew ħafna flus.
Is-seminar kien indirizzat ukoll minn Wayne Grixti, Chief Technology Officer fl-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali u Chairman tal-Malta.AI Taskforce; Emmanuel Darmanin, Kap tal-iStrategy & Business Department tal-MITA; u Theo Dix, konsulent b’esperjenza twila fl-oqsma tal-finanzi u l-istrateġija.