Neptunes Leo Vegas huma ċ-ċampjins l-ġodda tal-kampjonat lokali tal-waterpolo meta ilbierah fil-pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq rebħu t-tielet u l-aħħar finali tal-play-off kontra San Ġiljan TUM Invest 7 – 6.
Neptunes kienu mingħajr il-kowċ Jovan Popovic li kien sospiż filwaqt li għal San Ġiljan lagħab b’mod regolari Matthew Zammit wara li rebaħ l-appell kontra s-sospenzjoni li kellu.
Iċ-ċampjins rebħu l-ewwel sessjoni 4 – 3 iżda San Ġiljan irkupraw fit-tieni sessjoni meta rebħuha 1 – 0 ghal draw ta’ 4 – 4.
Il-logħba baqgħet bilanċjata hekk kif it-tielet sessjoni spiċċat f’parità ta’ 1 – 1.
Kollox kellu jiġi determinat fir-raba’ u l-aħħar sessjoni fejn din intrebħet 2 – 1 minn Neptunes.
Obradovic kien l-aħjar skorer ghal San Giljan bit-tlett goals filwaqt li Jordan Camilleri kien l-aħjar skorer għal Neptunes fit-tlett goals ukoll.
Dan kien id-disa’ kampjonat ghal Neptunes fl-ahhar 13 il-sena.
Wara l-partita il-President tal-ASA Joe Caruana Curran u l-Kap Eżekuttiv tal-BOV Paul Gauci preżentaw it-trofew lill-kaptan Niki Lanzon.
Ir-rivalità bejn dawn iż-żewġ timijiet mistennija li tkompli issa fil-kompetizzjoni knockout hekk kif iż-żewġ timijiet ser jerġaw jiltaqaw kontra xulxin.