Neil Incorvaja (Table Tennis) u t-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-irġiel ta’ taħt id-19-il sena huma r-rebbieħa tal-unur tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu 2024.
Neil Incorvaja, li għandu 14-il sena, rebaħ il-kampjonat individwali fil-kategorija ta’ taħt il-15-il sena, il-kategorija tad-doubles tal-istess età flimkien ma’ Matthew Zammit u l-kategorija tad-doubles ta’ taħt id-19-il sena flimkien ma’ Anthea Cutajar. Il-Junior National Championships saru bejn it-18 u l-25 ta’ Marzu fil-Padiljun Sportiv tal-Università ta’ Malta.
Min-naħa l-oħra t-Tim Nazzjonali tal-Water Polo tal-Irġiel ta’ taħt id-19-il sena kiseb l-ewwel post fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew li se jsir f’Burgas, il-Bulgarija f’Settembru li ġej. Iż-żgħażagħ Maltin rebħu l-logħbiet kollha meta għelbu lis-Slovakkja 15-7, lill-Polonja 11-4 u lill-Bulgarija 16-10.
Il-preżentazzjoni tal-unuri tal-Atlas Atleta Żagħżugħ tax-Xahar għal Marzu 2024 ġew ippreżentati lil Neil Incorvaja u lit-Tim Nazzjonali tal-Water Polo ta’ taħt id-19-il sena minn Robert Micallef, Chief Commercial Officer ta’ Atlas Insurance. F’isem l-Għaqda Ġurnalisti Sports kien hemm preżenti l-Amministratur Stephen Azzopardi.
Dan il-premju ta’ kull xahar jingħata b’inizjattiva konġunta bejn l-Għaqda Ġurnalisti Sports flimkien ma’ Atlas Insurance. Il-panel li jiġġudika r-rebbieħa ta’ dan il-premju jieħu nota tas-suċċessi miksuba lokalment u internazzjonalment matul dak ix-xahar u fl-istess ħin jistieden lill-assoċjazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi sabiex jibagħtu n-nomini tagħhom. In-nominazzjonijiet iridu jkunu għal atleti ta’ taħt il-21 sena.
In-nominazzjonijiet għandhom jaslu b’email fuq info@maltasportsjournalists.com. Ir-regolamenti ta’ dan l-unur jinsabu f’dan il-link https://www.maltasportsjournalists.com/atlas-youth-athlete-of-the-month-rules-and-regulations/