L-għawwiem professjonali Neil Agius, se jkun qed jerġa’ jipprova jikser rekord dinji billi jgħum madwar Malta, Għawdex u Kemmuna.
F’konferenza tal-aħbarijiet, Agius qal kif din l-għawma se tkun twila mal-mija u sittin kilometru u b’hekk tagħmilha l-itwal għawma f’baħar miftuħ li qatt saret.
Intqal kif l-għawma mistennija li ddum tliet ijiem se tirrikjedi mal-mija, ħamsa u sebgħin elf qadfa u se tittella’ fit-tieni nofs ta’ Settembru bid-dati finali jiddependu fuq it-temp, bħalma qed tiġi ffinalizzata r-rotta li Agius se jsegwi.
Jekk tirnexxi l-għawma, Neil Agius jikser ir-rekord għall-itwal għawma mingħajr assistenza f’baħar miftuħ li r-rekord preżenti wkoll jappertjeni lilu.
L-għawma se tkun qed issegwi, għawma li Agius kien beda s-sena li għaddiet, li sfortunatament ma setax itemm minħabba li għum f’għadd ta’ bram bil-konsegwenza li kellu jingħata attenzjoni medika. Dakinhar kien qed jgħum ‘il barra mill-kosta ta’ Mallorca fi Spanja.
L-għan wara din l-għawma u oħrajn li tella’ Agius fil-passat huwa li jkompli jqajjem kuxjenza dwar l-abitat marittimu ta’ pajjiżna flimkien mal-NGO Wave of Change u b’kollaborazzjomi mal-NGO Żibel li se tassisti b’numru ta’ clean ups bħala parti minn din l-inizjattiva.