Mija u erbgħin kilometru. Sittin siegħa ta’ għawm, mingħajr waqfien u irqad. Kien b’dan il-mod li l-għawwiem professjonali Neil Agius kiseb rekord dinji ta’ għawm madwar Malta, Għawdex u Kemmuna.
Neil ta’ tmienja u tletin sena beda din l-isfida għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu tas-Sibt mill-Bajja tal-Għadira u ftit qabel l-għaxra ta’ filgħaxija tat-Tnejn mijiet ta’ nies kienu qed jistennewh bi ħġarhom, f’riħ qawwi u baħar imqalleb, fil-Bajja ta’ Għar Lapsi biex jilqgħuh b’merħba mill-isbaħ.
L-isfida kienet tikkonsisti f’għawma madwar il-gżejjer tagħna, b’regoli speċifiċi, fosthom li ma setax jilbes ilbies speċjalizzat għall-għawm u mingħajr ma jmiss mad-dgħajsa li kienet qed takkumpanjah kontinwament.
Fil-fatt kif temm l-għawma, Agius poġġa fuq siġġu waħdu hekk kif dawk li kienu preżenti rawh itemm din il-kisba storika.
Minbarra hekk, hu kiser ukoll ir-rekord tiegħu stess. L-aħħar rekord personali ta’ Agius kien ta’ mija u ħamsa u għoxrin punt seba’ kilometri tliet snin ilu.
Ftit mumenti wara li wasal f’Għar Lapsi, Neil tkellem mal-midja preżenti u emozzjonat nissel il-kliem “Viva Malta”.
Mal-wasla tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien ma’ bosta persuni li kienu qed jistennew, awguralu għad-determinazzjoni li reġa’ wera.
Minkejja li kien ilu ma jorqod tlett ijiem, it-Tlieta filgħodu, b’vidjow fuq il-midja soċjali, Agius irringrazzja lil dawk kollha li appoġġjawh. Spjega li l-aħħar ftit sigħat tal-isfida kienu iebsin immens b’kundizzjonijiet tat-temp estremi.
Però b’persevernza kbira Neil baqa’ għaddej. Hu żied jgħid li, għalkemm mhux se nkunu qed narawh jgħum għalissa, il-vjaġġ għalih għadu jibda.
https://www.facebook.com/share/r/WBLEo23QEDRsoLdv/
Agius għamel din l-għawma biex iqajjem kuxjenza dwar l-istat li jinsab fih il-abitat marittimu u biex kulħadd jieħu ħsieb il-baħar madwarna.
S’issa, permezz ta’ din l-għawma u b’kollaborazzjoni mal-organizzazzjoni mhux governattiva Żibel, inġabru 790 kilo ta’ skart mill-ibħra Maltin.
Ir-rekord storiku li rnexxielu jikseb Neil għad irid jiġi uffiċjalizzat mill-World Open Water Swimming Association, li tmexxi u tirregola dan l-isport.