Neil Agius irnexxielu jwaqqaf rekord dinji u għam 130 kilometru mill-gżira ta’ Linosa, viċin Lampedusa sa Malta.
L-Erbgħa filgħaxija, l-għawwiem Malti wasal fil-bajja tax-Xlendi, milqugħ minn nies li tawh l-appoġġ fl-inizjattiva tiegħu ‘Wave of Change’, li tqajjem kuxjenza ambjentali u l-użu tal-plastik, li jagħmel ħsara l-ħajja fil-baħar.
Neil Agius sar l-ewwel għawwiem fid-dinja li għam dik id-distanza twila waħdu mingħajr assistenza f’baħar miftuħ.
Wara li ġie eżaminat u nstab li kien f’qagħda tajba wara għawma mimlija sfidi fosthom kurrenti tal-baħar, Neil fetaħ flixkun tax-xampanja.
Dan għamlu ftit wara li kien ilu mat-52 siegħa jgħum fil-baħar.
Intant b’rabta ma’ din l-għawma, il-Prim Ministru Robert Abela awgura lil Neil Agius u fisser l-għawma tal-għawwiem Malti bħala waħda li tixhed id-determinazzjoni, il-kuraġġ u l-perseverazzjoni.
Anki l-President ta’ Malta George Vella feraħ lil Neil Agius u spjega kif jammira r-reżiljenza li wera Neil. Qal li jittama li l-għawma ta’ Neil Agius tqanqal iżjed kuxjenza dwar l-użu tal-plastik madwar id-dinja.