Neil Agius qed jaspira li ma jibqax magħruf biss għall-għawma tiegħu bejn Malta u Sqallija imma issa jkun magħruf ukoll bħala l-għawwiem li qasam il-Mediterran.
Dan hekk kif din is-sena ser ikun qed jipprova jgħum mit-Tuneżija sa Sqallija. Għawma ta’ iktar minn 150 kilometru li ser tkun ukoll tentattiv sabiex jikseb rekord dinji.
Dan it-tentattiv ser ikun qed isir fl-aħjar ġranet skont it-temp bejn is-26 ta’ Ġunju u s-7 ta’ Lulju.
Huwa spjega kif għal din l-isfida qed jipprepara ruħu fiżikament anke permezz ta’ għawma li ser ikun qed jagħmel madwar il-gżira Għawdxija għal tliet darbiet fi tliet ijiem konsekuttivi. Stqarr kif għalkemm it-taħriġ fiżiku huwa wieħed iebes, huwa qed jipprepara wkoll bl-aħjar mod għal għawma anke mentalment.
Qal, “Wara t-training ovjament irrid inmur ix-xogħol ukoll imma kemm nista’ nipprova nżomm ġismi ‘relaxed’ u bħala mentalment hemm ħafna ‘meditations’ u hemm ħafna affarijiet li naħdem fuqhom biex meta nkun f’dak l-ispazju li ma nħossnix daqsekk safe inkun nista’ noħroġ minnha.”
Mal-isfida ġdida li għandu Neil Agius huwa ħejja wkoll sfida lill-pubbliku sabiex permezz tagħha jingħaqdu mal-kawża tiegħu u jiġbru sitt biċċiet tal-plastik li jkunu ġew mormija f’postijiet pubbliċi. B’kollox il-mira hija li jinġabru l-fuq minn miljun biċċa tal-plastik fi sfida li qed tissejjaħ bħala ‘Double the Wave Challenge’. Agius qalilna kif l-opportunità li wieħed isegwi b’mod dirett l-għawma tiegħu mhux l-unika mod kif wieħed jista’ juri s-sostenn tiegħu lejn din l-isfida.
Spjega, “Ha jkollna tracker fuqna biex huma jistgħu jiffolowjaw eżatt fejn aħna u ovjament iktar li jinvolvu ruħhom, iktar ma jagħmlu ċ-challenge, ‘Double the Wave’ challenge iktar ikollna pajjiż nadif.”
Ritratt: Profil ta’ Facebook / Kurt Arrigo Photography