Inawgurat apparat ġdid iffinanzjat minn fondi Ewropej għal kumpanija E&L Enterprise li topera fil-qasam tal-manifattura tal-ħadid għal dawn l-aħħar 10 snin.
Il-kumpanija hija waħda minn bosta li applikat għal skema tal-Business Enhance li biha qed tiġi appoġġjata b’170,000 minn investiment totali ta’ kważi €500,000.
ONE News tkellem mas-sid tan-negozju, Joseph Camilleri qal li permezz ta’ dan l-investiment, in-negozju se jintroduċi magna ġdida b’teknololoġija avvanzata f’Malta fl-industrija speċifika:
“Il-magna hija xi ħaġa li tagħmel bejn 40 u 60 tunellata ħadid kuljum ta’ travi, hi xogħolha tqatta’, tieħu survey, u jħaddimha bniedem wieħed, fil-verita aħna l-E and L għandha ppjanati challenges kbar ta’ proġetti grazzi għas-suċċess bħalissa għaddej fil-pajjiż u bilfors konna ninvestu f’dawn il-machines biex inkomplu nikompettu ma’ nies barranin mill-pajjiż tagħna stess”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Aaron Farrugia fisser kif sal-lum, diġà ngħataw €13-il miljun permezz ta’ din l-isekma biex jappoġġjaw mal-mitejn intrapriża ta’ daqs żgħir jew medju.
“Dan huwa ingredjent importanti biex ikomplu jagħmlu suċċess huma, ikomplu jħaddmu aktar nies, ikomplu jinvestu fl-istess industrija u jħarsu lejn orrizzonti ġodda”.
Is-Segretarju Parlamentari qal li permezz ta’ din l-għajnuna, l-investiment mis-settur privat mistenni jilħaq madwar €6.6 miljun.