F’San Pawl il-Baħar il-Prim Ministru Joseph Muscat żar in-negozju ta’ Mecca Marine Malta fl-okkażjoni tal-ħamsa u ħamsin anniversarju mill-ftuħ.
Imdawwar mill-familja Chetcuti, Dr. Muscat ra l-qabża li għamlet il-kumpanija fis-settur marittimu.
Qal li dan in-negozju huwa eżempju ta’ intrapriża tal-familja li rat kif timxi maż-żminijiet.
Il-Prim Ministru faħħar il-bżulija tal-familja Chetcuti li tat kontribut qawwi fin-negozju marittimu.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Mecca Marine Malta Nichol Chetcuti tkellem dwar kif il-klima ekonomika tal-lum tippermetti lil dawk li jinvestu fuq opri tal-baħar biex ikabbru.
“Għalhekk nemmen li llum bl-ekonomija li hawn min xtara dgħajsa iżgħar ftit tas-snin ilu llum il-ġurnata qed ikabbru. Illum forsi anki rajtu barra qed nagħmlu l-Mecca Boat Expo” qal Chetcuti
Miegħu ngħaqad missieru Paul li tkellem kif ma jistax jemmen kif in-negozju li 55 sena ilu welled issa kompla jikber u jissaħħaħ.
“Sodisfazzjon kbir. L-ikbar sodisfazzjon huwa li t-tfal irnexxielhom ikomplu x-xogħol tiegħi u qed ikabbruh iktar milli kont nista’ nkabbru jien.”
Fi tmiem iż-żjara tiegħu l-Prim Ministru kixef plakka ta’ kommemorazzjoni biex ifakkar is-suċċess ta’ din il-kumpanija Maltija.