Faxxa ikbar ta’ persuni li jaħdmu għal rashom ser igawdu minn eżenzjoni tal-VAT hekk kif it-threshold se tiżdied minn €20,000 għal €30,000. Din il-miżura ser tara li dawn l-operaturi li jaqilgħu inqas minn din is-somma titnaqqsilhom il-burokrazija.
Bħala parti mill-budget għas-sena d-dieħla ser ikun qed jitfassal qafas ikkumplimentat b’fond mill-Gvern sabiex ikunu attirati iżjed Start-Ups lejn pajjiżna. Dan filwaqt li ser ikun qed ikompli x-xogħol biex in-negozji Maltin ibigħu online b’sistemi li jkunu amalgamati sew ma’ sistemi oħra ta’ distribuzzjoni.
Skema oħra tal-Malta Enterprise ser tgħin kumpaniji li jħaddmu inqas minn ħamsin persuna biex jidħlu għal proġetti ta’ innovazzjoni. L-iskema ser tkun miftuħa għal perjodu definit ta’ sena u tkopri 50% tal-ispiża sa massimu ta’ €200,000 għal kull kumpanija. Għal din l-iskema hemm allokati €10 miljun.
Dan filwaqt li kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ riċerka, lokali u internazzjonali twassal għal żieda ta’ €35,000 fl-għajnuna. Dan filwaqt li l-Malta Enterprise ser tkompli testendi u tniedi skemi oħra biex tgħin setturi eżistenti f’pajjiżna u tattira oħrajn ġodda.