Il-ħwienet tal-merċa f’pajjiżna se jgawdu minn awditjar li permezz tiegħu se jifhmu aħjar kif qed jużaw is-sorsi ta’ enerġija u ilma tagħhom u kif jistgħu jagħmlu użu aħjar minnhom biex igawdu huma u l-ambjent.
Id-dettalji dwar dan il-proġett pilota, bl-isem ta’ MERĊA, ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, għaliex se jkunu l-uffiċjali ta’ din l-Aġenzija li se jagħtu l-pariri lis-sidien ta’ dawn il-ħwienet dwar il-konsum tagħhom tal-ilma u l-enerġija.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, spjegat kif se jkun qed jaħdem dan il-proġett.
Qalet, “Ħa jkollhom l-esperti li ħa jgħinuhom jifhmu u jagħmlulhom is-sistema ta’ kif se tkun qed tonqos il-konsum tagħhom, x’ħa jkunu qegħdin jibbenefikaw, ħa nkunu qegħdin ngħinuhom fl-iskemi biex jagħmlu t-tibdil neċessarju biex ma tkunx iebsa fuq ir-riżorsi tagħhom u ħa jibbenefikaw milli fl-aħħar ikunu qegħdin jagħtu l-kontribut lill-ambjent u jnaqqsu l-kont tad-dawl u l-ilma.”
Dan il-proċess se jindirizza l-isfda li għandhom in-negozji żgħar ta’ nuqqas ta’ riżorsi.
Spjegat, “L-istess persuna tagħmel ħafna affarijiet għax għandhom inqas nies biex jaħdmu allura mhux dejjem ikollhom iċ-ċans li jagħtu każ ta’ ċertu affarijiet mhux bħall-kumpaniji kbar li jkollhom inġiniera, impjegati li jistgħu jeħdulhom ħsieb dawn l-affarijiet u anki r-riżorsi huma limitati f’kemm jistgħu jagħmlu investiment għax biex jieħdu r-return fuqu dak l-investiment idumu iktar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija tal-Enerġija u l-Ilma, Manuel Sapiano, saħaq fuq l-irwol tal-aġenzija li tippromwovi u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ għal prattiċi aktar sostenibbli.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Iżvilupp Sostenibbli, Miriam Dalli spjegat li dan il-proġett se jiswa ħamsin elf ewro u se jkopri medda ta’ sentejn, li matulhom se tinġabar informazzjoni biex jiġu identifikati proċessi u prattiċi li eventwalment, ikunu jistgħu jgawdu minnhom in-negozji żgħar kollha.
Qalet, “Huma ħwienet żgħar li rajna li l-konsum tagħha tal-enerġija – anki għaliex per eżempju jużaw freezers u fridges, huwa pjuttost għoli allura permezz tal-Uffiċjali tal-Energy and Water Agency, inkunu nistgħu nawditjaw l-użu u l-konsum tal-enerġija u tal-ilma tagħhom, inkunu qed nagħtuhom pariri u naraw kif jistgħu jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u tal-ilma u l-ħsieb tagħna huwa li dan il-proġett pilota nkabbruh u nifirxuh għal setturi oħra.”