F’Pajjiż li qed jesperjenza l-ogħla tkabbir ekonomiku fl-istorja jeħtieġ li n-negozji anke żgħar ma jiddependux biss fuq il-banek, iżda anke fuq il-Borża ta’ Malta, li għadha kif nediet pjan strateġiku għas-suq kapitali minn issa sal-2018.
Il-pjan huwa riżultat ta’ konsultazzjoni wiesa tal- Borża man-negozjanti sabiex fl-aħħar ħarġu sitta u għoxrin punt li bihom kull tip ta’ negozju jmexxi l-finanzi tiegħu aħjar. Il-Ministru Edward Scicluna spjega għalfejn pjan strateġiku ta’ dan it-tip hu importanti f’Malta.
“F’Malta, anke f’pajjiżi kbar bħal Ġermanja, joqgħodu wisq fuq il-banek, li għandek limitu kemm tista’ tinvesti u għandek l-imaxx baxx. Għalhekk isibuha bi tqila biex jidħlu għal proġetti interessanti u riskjużi għaliex il-bank ma jsellifhomx” spjega l-Ministru.
Scicluna qal li l-borża għandha tintuża aktar, biex b’hekk il-kumpaniji jkollhom iċ-ċans li jsibu flus lesti biex jinvestu u jieħdu proġetti riskjużi. Fi kliem il-Ministru dan huwa l-mod li l-Borża ta’ Malta tkompli tespandi.