Diversi negozji Maltin kellhom iċ-ċans sabiex jesploraw l-opportunitajiet li jistgħu ikollhom jekk jagħżlu li jespandu u jinvestu f’pajjiżi li qegħdin jinbnew mill-ġdid fl-Afrika ta’ Fuq wara r-rivoluzzjonijiet tar-rebbiegħa Għarbija fl-2011.
Dan taħt il-kappa tal-bank ewropew għar-rikostruzzjoni u l-iżvilupp. Tul il-jum tat-Tlieta il-bank organizza seminar f’pajjiżna propju għal dan il-għan, b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija li tippromowovi n-negozji Maltin barra minn xtutna, Trade Malta.
Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna semma kif in-negozji Maltin dejjem kellhom għarfien għaqli tal-opportunitajiet madwarhom u għaldaqstant jistgħu jgħinu biex jipprovdu għajnuna lil negozji oħra żgħar u medji f’pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw fl-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani.
Prof. Scicluna spjega: “Kull investiment li jsir fis-settur privat, tenders li jistgħu joħorġu, in-negozjanti Maltin għandhom interess kbir. Ġie l-bank hawn Malta biex b’dan is-seminar jgħinhom u jgħidilhom kif għandhom jipproċedu jekk huma interessati fl-investiment jew li jibbidjaw għal xi kuntratt eċċ. Dan hu suq ġdid li hu importanti l-Maltin ikunu jafu bih.”
Il-Ministru Scicluna fakkar kif Malta kienet waħda mill-membri fundaturi ta’ dan il-bank meta twaqqaf wara li sfaxxat l-Unjoni Sovjetika fl-1991. Qal li l-għan tal-bank dakinhar kien li jgħin ekonomikament lil pajjiżi u demokraziji ġodda li nibtu minn dak l-avveniment.
Semma li dan il-bank iktar tard għaraf li fl-Afrika ta’ Fuq hemm numru ta’ pajjiżi li jridu jqumu mill-ġdid wara r-rivoluzzjonijiet u f’dan il-kuntest pajjiżna jista’ jibda jilgħab irwol iktar ċentrali hekk kif pajjiżna huwa viċin tal-Afrika ta’ Fuq filwaqt li lingwistikament huwa qrib l-ilsien Għarbi.
Huwa appella lin-negozji preżenti sabiex jespandu l-orizzonti tagħhom billi jissieħbu ma’ wieħed mill-ikbar banek għall-iżvilupp fid-dinja. Huwa ta’ eżempji kif dan jista’ jsir fosthom bl-intrapriżi żgħar kif ukoll billi japplikaw għal kuntratti fuq proġetti li l-bank innifsu jagħmel f’pajjiżi bħal dawn.