Negozji Kanadiżi wrew interess sinifikanti f’pajjiżna tant li f’ċertu każijiet diġà hemm ftehimiet preliminari lesti biex dawn il-kumpaniji jibdew joperaw minn Malta.
Dan ħareġ waqt laqgħat li l-Prim Minsitru Joseph Muscat u l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona kellu mat-tmexxija ta’ kumpaniji li qed jikkunsidraw li jinvestu f’Malta fil-belt ta’ Toronto fil-Kanada.
Dan wara l-impenji li Dr Muscat kellu fi New York b’rabta mal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda/
Fi stqarrija l-Gvern spjega li fost l-oqsma li l-iktar qed jiġġeneraw interess, hemm l-industrija tal-kannabis għall-użu mediċinali.
Hawnhekk, numru ta’ kumpaniji qed jaraw f’Malta pajjiż b’leġiżlazzjoni serja li tagħti aċċess għal suq ta’ ħames mitt miljun persuna madwar l-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern huwa kommess li jieħu iktar xogħol lejn Malta u fakkar kif, meta jżur il-komunitajiet Maltin barra mill-pajjiż, dejjem jismahom jitkellmu fuq kif kienu telqu lil art twelidhom għax kien l-unika mod kif isibu xogħol.
Qal li llum il-ġurnata, Malta mhux talli toffri xogħol lil uliedha kollha, iżda għandha bżonn il-barranin biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li qed jinħolqu.
Dr Muscat qal li dawn il-barranin qed jesperjenzaw dak li esperjenzaw il-Maltin li kienu siefru u llum qed jgħixu u jaħdmu barra.
Flimkien mas-Sinjura Muscat, il-Prim Ministru kellu l-opportunità li jitkellem individwalment mal-persuni kollha mill-komunità Maltija f’Toronto li attendew għal dan l-avveniment.