Negozji lokali li jinvestu fi proġetti li jagħmluhom aktar sostenibbli se jkunu jistgħu jirċievu sa massimu ta’ mija u erbgħin elf ewro f’għajnuna mill-Gvern, wara li l-Malta Enterprise estendiet għal sena oħra l-iskema tagħha msejħa Smart and Sustainable Investment Grant.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Far, f’waħda mill-fabbriki li diġà bbenefikaw minn din l-iskema fil-passat, tħabbar li l-Gvern din is-sena, qed jirdoppja l-għajnuna ta’ din l-iskema biex issa n-negozji jistgħu jibbenefikaw sa mitt elf ewro għal kull proġett.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spjega li din l-għajnuna tista’ titla b’erbgħin elf ewro oħra f’tax credits skont il-kriterji stabbiliti.
“Mhux biss se tirdoppja l-cash grant, imma se nirduppjaw l-ammont ta’ tax credits li wieħed jista’ jieħu over and above il-cash grant jekk inti kumpanija minn Għawdex, jew tkun ilek imwaqqfa madwar tliet snin jew inqas, jew inkella tagħmel energy audit fuq il-kumpanija tiegħek u tippreżentah lill-Malta Enterprise.”
Din l-iskema tipprovdi għajnuna finanzjarja lil negozji li jħaddmu proġetti li jagħmlu l-operat aktar sostenibbli; fosthom biex jonqos l-iskart iġġenerat waqt il-produzzjoni, jekk jintuża materjal sostenibbli, jekk ikun hemm effiċjenza fl-enerġija u fl-ilma, u jekk tkun xprunata d-diġitalizzazzjoni sostenibbli.
Din l-informazzjoni ngħatat waqt żjara li għamlet il-Ministru Miriam Dalli fil-fabbrika OLI Vibra.
Il-General Manager ta’ din il-fabbrika, Charles Spiteri, spjega kif fl-aħħar snin, il-kumpanija ħasset il-bżonn li tinvesti biex tkun aktar sostenibbli, u fil-fatt, bidlet waħda mill-magni grazzi għal din l-iskema, li naqqset il-konsum tad-dawl u l-carbon footprint b’aktar min-nofs.
“Bdejna l-proċess li nibdlu l-magni. Applikajna għall-ewwel magna minn din il-grant, ħadna grant ta’ ħamsin elf. Hija ta’ għajnuna għall-industrija għaliex hija ta’ inċentiv biex inkomplu ntejbu l-operat, kemm direttament fil-proċess u anki indirettament.”
Il-kumpanija bdiet topera fl-elfejn u tmienja b’sitt ħaddiema. Illum tħaddem xejn inqas minn erbgħa u erbgħin persuna, u l-ħsieb hu li l-impjegati jkomplu jiżdiedu fix-xhur li ġejjin.
“Għandna żewġ klijenti importanti ta’ fama mondjali li sal-aħħar tas-sena nibdew nissupplixxulhom il-prodotti tagħna u qed nikkalkulaw li jkollna bżonn madwar tmienja jew għaxar ħaddiema oħra biex naqdu lil dawn iż-żewġ klijenti.”
Il-Ministru Miriam Dalli rrimarkat dwar il-mod għaqli li bih din il-kumpanija qed tinvesti issa biex tilqa’ għall-isfidi tal-futur, u ħeġġet negozji oħra jagħmlu l-istess.
“Qegħdin naraw li ninċentivaw aktar kumpaniji biex imorru għal skemi bħalma hija l-iskema Smart and Sustainable, għax irridu li l-kumpaniji jkunu parti minn din t-tranżizzjoni fejn bħala pajjiż inkunu f’pożizzjoni li jkollna ekonomija li vera ma tniġġisx.”
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.maltaenterprise.com.