Hekk kif il-ftehim preżenti li jassigura li l-prezz tat-telefonati u l-użu tal-internet jibqa’ l-istess meta ssiefer fi stat membru tal-Unjoni Ewropea qed joqrob lejn tmiemu, bħalissa għaddejjin negozjati biex dan il-pakkett mhux biss jinżamm iżda fuqu jsir titjib konsiderevoli.
Fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu, ONE News tkellem mal-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba li huwa negozjatur fuq din it-tema f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew.
Huwa spjega kif saħansitra qed jipproponi li meta ssiefer f’pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, is-servizz tal-internet u t-telefonija mhux biss ikun jiswa l-istess iżda wieħed jingħata eżattament l-istess servizz skont il-kuntratt li jkollu mal-kumpanija f’pajjiżu.
L-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba stqarr: “Jekk inti f’Malta intitolat bil-kuntratt tat-telefonija tiegħek li jkollok servizz ta’ 4G, meta inti ssiefer barra minn Malta, tkun qiegħed il-Belġju, Franza, l-Italja, inti hemmhekk għandu jkollok id-dritt li tibqa’ tgawdi mill-istess servizz u pereżempju ma tingħatax servizz ta’ 3G li huwa aktar slow minn 4G, meta tkun barra mill-pajjiż.”
Agius Saliba spjega wkoll kif proposta oħra tiegħu li diġà ġiet approvata se tgħin lil min f’pajjiżna jħobb joħroġ bid-dgħajsa.
Dan hekk kif fil-passat kien hemm każijiet fejn ma jindunawx li jkunu qabdu ma’ servizz ta’ operatur Libjan u jispiċċaw jirċievu kontijiet għoljin ħafna.
Huwa sostna: “Ipproponejt u din ġiet approvata wkoll li meta inti tkun bejn stat membru u pajjiż terz tirċievi messaġġ li jinfurmak jekk tridx tibqa’ tuża s-servizz għaliex ovvjament qbadt ma’ operatur barra miż-żona ewro.”
Din il-leġiżlazzjoni se tinkludi wkoll protezzjonijiet ġodda għall-konsumatur u aċċessibilità ġdida għal numri ta’ emerġenza għal meta wieħed ikun barra minn pajjiżu.