Bruno Tucci, negozjant Taljan li jgħix Malta, ċaħad kull involviment fil-kriminalità organizzata, filwaqt li l-avukat tiegħu sostna li saritlu ħsara kbira minħabba artiklu miktub minn Arnold Cassola.
Fil-Qorti, l-avukat ta’ Tucci, Edward Gatt, ta ’l wieħed x’jifhem li l-artiklu hu bbażat fuq każ ta’ identità żbaljata.
Dan ħareġ waqt seduta fil-kawża ta’ libell imressaq minn Tucci kontra Cassola fuq artiklu li ġie ppublikat fil-MaltaToday f’Lulju tal-2021. Fl-artiklu, Cassola staqsa jekk il-pulizija Maltija qattx aġixxiet fuq suspetti dwar Tucci wara investigazzjoni mill-awtoritajiet Taljani.
L-avukat ta’ Tucci qal li mhux minnu li Tucci kellu konnessjonijiet mad-dinja kriminali, u sostna li kellu rekord kriminali nadif u qatt ma kellu problemi la mal-pulizija Maltija u lanqas ma’ dik Taljana. Gatt qal li kollox jindika li dan huwa każ ta’ identità żbaljata minn naħa ta’ Cassola.
L-avukat Gatt sostna li l-artiklu kllu warajh intenzjonijiet politiċi.
Cassola esebixxa numru ta’ dokumenti li, qal, qatt ma tressqu fil-Qorti. Id-difiża ta’ Tucci oġġezzjonat, u argumentat li d-dokumenti ma kinux ġew preżentati taħt ħalfa, u li ma kien hemm xejn li jipprova l-validità tagħhom.
Il-kawża ġiet differita għal Ġunju biex tingħata s-sentenza.