Negozjanti Maltin qed jiġu mħeġġa jieħdu sehem fil-Fiera Canton u fiċ-China International Expo li huma meqjusa bħala l-ikbar fieri fid-dinja.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Frank Farrugia, qal li se titnieda promozzjoni biex tħeġġeġ aktar negozjanti Maltin jieħdu sehem f’dawn il-fieri li jagħtu opportunità oħra lin-negozjnati Maltin biex ikomplu jifirxu l-attività ekonomika tagħhom.
“Se nniedu promozzjoni biex negozjanti maltin jieħdu sehem fil-Canton Fair u kif ukoll iċ-China International Import Expo. Iċ-Ċina hi waħda mill-akbar ekonomiji li hawn fid-dinja u aħna malta diġà għandna relazzjoni tajba maċ-ċina u nixtiequ nsaħħu fuq din ir-relazzjoni li diġà għandna. Iċ-ċiniżi investew f’dan il-pajjiż ,” qal Farrugia.
F’sessjoni ta’ informazzjoni li ttellgħet minn Trade Malta flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ, intqal li l-Fiera Canton li tittella’ f’Guangzhou fiċ-Ċina tara s-sehem ta’ ’madwar 25,000 esebitur u li għaliha jattendu madwar 200,000 xerrej minn 210 pajjiżi madwar id-dinja.
Il-President taċ-Ċentru tal-Kummerċ Ċiniż, Xu Bing, qal li bħalissa hemm madwar 50 negozju Malti li jieħu sehem fil-Fiera Canton.
Qal li l-għan ewlieni tal-promozzjoni hu li jħajru aktar negozji Maltin jieħdu sehem biex jiftħu l-bibien għal aktar opportunitajiet internezzjonali.
“B’madwar 50 negozju Malti diġà jieħdu sehem f’din il-fiera nixtiequ li permezz ta’ din il-promozzjoni se ngħarrfu lil aktar organizzazzjonijiet u industriji diversi dwar opportunitajiet differenti li toffri l-canton fair,” qal Xu.
Sostnali li din il-fiera hija vettrina mill-aqwa għan-nogozji biex jesebixxu u jbiegħu l-prodotti u s-servizzi tagħhom f’pajjiżi oħra.
Il-Fiera Canton tittella’ darbtejn fis-sena bl-edizzjoni li jmiss se tittella’ fil-15 ta’ April u tibqa’ għaddejja sal-5 ta’ Mejju.