Mill-1 ta’ Lulju li ġej in-negozjanti li jirreġistraw bejgħ sa 20,000 ewro fis-sena mhux ser jinqabdu taħt is-sistema tal-VAT.
Dan ħabru l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fejn spjega kif bil-permess tal-Kummisjoni Ewropea, l-Gvern ta’ Malta għolla l-limitu tad-dħul mill-bejgħ minn 14,000 ewro għal 20,000 ewro.
Il-Ministru Scicluna spjega kif permezz ta’ din il-miżura ser ikunu mgħejjuna dawk il-persuni li jagħmlu xogħol għal rashom u li minnu qed jagħmlu xi forma ta’ dħul żgħir.
Permezz ta’ din l-inizjattiva li tfisser wegħda oħra mwettqa għall-Budget 2018, individwu li jaħdem għal rasu jew li għandu xi forma ta’ intrapriża żgħira mhux ser ikun obbligat li jżomm bil-VAT lil dak li jkun qed jixtri l-prodott jew li qed jirċievi s-servizz mingħandu.