Il-gazzetta KullĦadd żvelat li l-uffiċċju tal-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola nefqet aktar minn mitejn u għoxrin elf ewro f’pajjiżna fl-istess sena tal-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew.
Dawn il-fondi fl-2024 ivarjaw bejn kumpaniji tal-midja bl-Ingliż, għaqda studenteska u msieħba soċjali.
Kienet il-gazzetta influwenti Taljana, Il Fatto Quotidano, li żvelat fl-aħħar jiem kif mal-€133 miljun tqassmu lill-midja fl-Unjoni Ewropea fl-istess sena tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
B’reazzjoni għal dan, l-uffiċċju ta’ Metsola wieġeb li ċ-ċifra hi minfuħa u attribwita lill-istess Metsola b’qerq, xi ħaġa li ġiet miċħuda minnufih mill-gazzetta Taljana, li qalet li għandha dokumenti li jipprovaw dan.
Tweġiba simili mill-uffiċċju ta’ Metsola kienet intbagħtet lil ONE News, wara li rrapporta dak ippubblikat fil-midja Taljana.
Il-KullĦadd issa qalet li, f’Malta, l-ammont ta’ aktar minn mitejn u għoxrin elf ewro hu meqjus bħala nefqa kbira biex jinxtara l-appoġġ. Il-mod ta’ kif intefqu l-flus f’Malta sar bi ħsieb. Tqassmu bejn ġurnalisti, żgħażagħ u nies tan-negozju.
Dawn l-għotjiet huma taħt skemi Ewropej biex suppost jgħinu kumpaniji u organizzazzjonijiet madwar l-Ewropa, iżda ngħad li jidher li l-għan ewlieni kien li ssir propaganda.
Is-sena li għaddiet, lejliet l-Elezzjoni għall-Parlament Ewropew, Metsola kellha reklami ta’ faċċati sħaħ imħallsin fejn wasslet il-messaġġ li hi “t-tama l-ġdida għall-Ewropa”.