Is-sena 2019 kienet sena bieżla għall-aġenzija Infrastruttura Malta fejn kompliet titwettaq il-wegħda elettorali tal-Gvern dik tal-investiment ta’ seba’ mitt miljun ewro mifruxa fuq seba’ snin.
Din is-sena l-aġenzija investiet 64 miljun ewro f’aktar minn 14-il proġett f’toroq arterjali filwaqt li investiet 123 miljun ewro oħra f’toroq residenzjali. Infrastruttura Malta tat il-bidu tal-akbar proġett infrastrutturali, dak tal-Marsa Junction.
ONE News iltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta, Frederick Azzopardi, f’waħda mit-toroq li saret din is-sena, Triq Buqana. Is-Sur Azzopardi spjegalna x-xogħol li qed isir fl-akbar proġett fin-nofsinhar ta’ Malta.
“Inbeda propju din is-sena u kien antiċipat li jkun lest lejn l-aħħar tas-sena d-dieħla. Naħsen anke bir-rittmu li għadejjin fejn kellna flyover li suppost infetaħ lejn l-aħħar ta’ Jannar, ftaħnih fil-bidu ta’ Diċembru u wieħed qed jantiċipa dan il-proġett ikun lest is-sena d-dieħla.” Stqarr Azzopardi.
L-inġinier Azzopardi semma wkoll li anke x-xogħol fuq il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija huwa miexi b’ritmu mgħaġġel. Huwa spjega li l-proġetti li saru matul din is-sena komplew inaqqsu l-ħin tal-ivjaġġar, tant li wasslu wkoll għal inqas emissjonijiet fl-arja għal familji Maltin u Għawdxin.
Dwar iċ-ċertu xogħol infrastrutturali li wassal biex jiġu rilokati s-siġar, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta fakkar li l-aġenzija qed tħawwel eluf ta’ siġar.
“Wegħdna li nħawwlu eluf ta’ siġar u naħseb li dik il-wegħda żammejniha u ser inkunu qed nuru li żammejniha bil-fatti għax in-numru mhuwiex żgħir.” Kompla jgħid il-Kap Eżekuttiv.
Intant is-sena 2020 se tkun ukoll sena impenjattiva oħra fejn fost l-oħrajn se jibda proġett tant importanti għaċ-ċentru u t-Tramuntana ta’ Malta, is-Central Link Project, iżda mhux biss.
“Għandna xogħlijiet ukoll bħal Triq Sant Andrija in-naħa ta’ Pembroke u Paceville, għandna xogħlijiet ukoll ħdejn l-ajruport ta’ Malta, għandna xogħlijiet ukoll fl-Imsida. Naħseb li s-sena li ġejja, bħalma kienet sfida s-sena li għaddiet naħseb li se tkun sena fejn bħala aġenzija ser inkunu qed inwettqu diversi proġetti u dan għal ġid ta’ kulħadd.” Ikkonkluda Azzopardi.