“L-ammont li dan il-Gvern se jonfoq fuq sussidji tal-enerġija, ftehimiet kollettivi, tnaqqis fit-taxxa u żieda fil-benefiċċji soċjali se jkun ta’ 460 miljun ewro. Dan hu aktar minn kull pajjiż ieħor fl-Ewropa, b’defiċit lokali li se jkun qed jonqos minn erbgħa fil-mija għal tlieta punt ħamsa fil-mija s-sena d-dieħla.”
Dan iddikjarah il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, waqt business breakfast organizzat mit-Times fejn ingħatat ħarsa lejn x’wieħed jista’ jistenna mill-baġit għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat fit-28 ta’ dan ix-xahar.
Qal, “Is-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jalloka f’dan kollu €460 miljun. Aktar minn tnejn fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku. Dan fid-dawl li pajjiżi oħrajn qegħdin jew iżidu t-taxxi jew inaqqsu l-ispiża tagħhom. Naħseb dan kollu juri kemm dan il-Gvern, il-politika fiskali tiegħu hi soda u, għaldaqstant, tippermettilna li nagħmlu dan kollu fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Il-Ministru Caruana tenna li l-baġit, kif diġà mħabbar, se jagħti l-akbar tnaqqis fit-taxxa għall-middle class b’allokazzjoni ta’ aktar minn mitt miljun ewro.
Hu sostna li ħaddiema, li jaqilgħu sa tletin elf ewro fis-sena, se jkunu qed jibbenefikaw minn din il-miżura fir-rata tat-taxxa tad-dħul.
Hekk kif wieġeb il-mistoqsijiet kemm tal-ġurnalisti kif ukoll tal-imsieħba soċjali, il-Ministru Caruana rrimarka wkoll l-importanza tad-dixxiplina fiskali li l-Gvern qed ikompli jisħaq ħafna fuqha.
Fil-fatt, il-Ministru aċċenna wkoll għal sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali li, bħalissa, qed jintużaw biex jeżaminaw id-dikjarazzjonijiet tal-VAT min-negozji. Is-sistema se tiġi implimentata wkoll għad-dħul mit-taxxa korporattiva sal-aħħar ta’ dan ix-xahar u t-taxxa fuq id-dħul personali sal-aħħar ta’ Diċembru li ġej.
Sussegwentement ħlasijiet fuq importazzjoni u esportazzjoni għandhom jiġu inklużi sa Jannar tas-sena d-dieħla.
Caruana stqarr li, fl-2023, id-dħul mit-taxxa żdied b’€500 miljun, waqt li, fl-ewwel sitt xhur din is-sena, diġà kien hemm żieda ta’ €300 miljun. Għaldaqstant sostna li, sa tmiem din is-sena, id-dħul mit-taxxa se jiżdied b’aktar mis-sena l-oħra.
Qal, “Xi ħaġa, li ili nisħaq fuqha, hi li f’dan il-pajjiż irid iħallas dak li hu dovut. Biex nilħqu dan il-għan f’dawn l-aħħar xhur id-Dipartiment tat-Taxxa kien qed jinvesti f’sistemi ġodda tal-IT. Dawn qed iwasslu biex niżguraw mhux biss li n-nies iħallsu dak li għandhom iħallsu fil-ħin, iżda li niġbru dak kollu li hu dovut. U dan qed iwassal biex id-dħul tal-Gvern qed jiżdied b’mod sinifikanti mis-sena l-oħra, mingħajr ma ndaħħlu taxxi, mingħajr ma nżidu t-taxxi, iżda niġbru dak li għandu jiġi dovut.”
Mistoqsi fuq il-linja tal-ajru nazzjonali KM Malta Airlines, il-Ministru Caruana sostna li l-Unjoni Ewropea għamlitha ċara li, fil-futur qrib, iridu jiġu pprivatizzati sa ħamsa u tletin fil-mija tagħha.
Fost id-diskussjoni, u għadd ta’ mistoqsijiet li sarulu waqt il-business breakfast, hu wkoll tkellem ukoll dwar is-sussidji li l-Gvern qed jagħti lill-iskejjel mhux biss tal-Gvern, imma anke tal-Knisja u fil-privat.