Is-sena d-dieħla, l-allokazzjoni għall-edukazzjoni se tkun somma rekord ta’ €846 miljun.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbilita’, li ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Il-Ministru Grima semma ftit mill-miżuri li se jkunu qed jitwettqu s-sena d-dieħla, bħala parti mill-Budget li tħabbar it-Tnejn li għadda. Fost dawn hemm dik tal-laptop b’xejn lill-istudenti tas-seba’ sena, li fuq perjodu ta’ seba’ snin se tiswa €50 miljun.
Fakkaer ukoll li se titkompla l-Iskema 9, li tgħin lill-aktar studenti vulnerabbli, u anki dik tal-one tablet per child għall-istudenti tar-raba’ sena tal-primarja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon semma ż-żieda fiċ-children’s allowance, li s-sena d-dieħla se tammonta għal €90. Semma wkoll li, għall-ewwel darba, se jingħata inċentiv għal perjodu ta’ erba’ snin għal dawk il-ġenituri li jkun qed jiffosterjaw u jaddottaw.