Nazzjonalisti li kienu jappoġġjaw lill-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia qed ikomplu jkunu murija l-bieb ta’ barra tad-Dar Ċentrali. Fosthom l-eks membru fil-Kumitat Sezzjonali Nazzjonalista f’tas-Sliema Tony Galea li spiċċa fil-mira tal-fazzjoni Busuttil u tqaċċat ukoll mis-sala tal-għadd tal-voti.
Żvelat dan il-gazzetta ‘Kullħadd’ li spjegat kif Galea ġie sfiduċjat mir-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista stess fil-Kummissjoni Elettorali. Dan bl-iskuża li qalu li huwa “wisq partiġjan.”
Tony Galea kien wieħed minn dawk li għamlulu l-bsaten fir-roti sabiex ma jiġix elett fl-elezzjoni tal-Kumitat Sezzjonali ta’ tas-Sliema. Il-manuvri li affaċċja qabel l-elezzjoni għall-Kumitat Sezzjonali wassluh biex flimkien ma’ tmien kandidati oħra jirtira mill-elezzjoni. Dan l-iżvilupp wassal ukoll għar-riżenja tal-Kumitat nazzjonalista ta’ Bormla li ma ġerrħux il-mod li bih raw lil ħuthom Nazzjonalisti jkunu ttrattati u mminati.
Sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali qalu ma’ ONE News kif id-diskors tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla tefa’ l-melħ fil-ferita. Dan b’referenza għar-reazzjoni li kellu għall-appell li għamlet is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight biex il-Partit Nazzjonalista jingħaqad u jerġa’ jilqa’ fi ħdanu lin-nies ta’ Delia. Ma’ tmiem l-appell ta’ Borg Knight, Bernard Grech beda d-diskors b’pawża ta’ ftit sekondi biex imbagħad filwaqt li tenna li jinsab kommoss, dar fuq il-kelliema ta’ qablu u bi tbissima fuq fommu qalilha li rnexxielha tbikkih.
“Skużawni jekk leħni jinstema’ xi ftit kommoss imma rnexxielek.”
Dan għalkemm lil hinn mill-kameras u d-diskorsi, dawk li appoġjaw lil Adrian Delia fit-tellieqa kontra Bernard Grech komplew jaraw lil ħuthom Nazzjonalisti jitwarrbu u jintwerew il-bieb ta’ barra.
Fil-fatt bosta ħassewhom urtati għad-diskors ta’ Beppe Fenech Adami, deputat ieħor tal-Kap Bernard Grech, li kien qal hekk hekk kif dawk li rtiraw mill-elezzjoni ħassewhom attakkati anki personali.
“Dak kienet elezzjoni ta’ kumitat sezzjonali ġewwa tas-Sliema mingħalija. Kien hemm numru ta’ kandidati li rtiraw, affari tagħhom, naturalment l-affarijiet ikomplu, grazzi.”
“X’qed tagħmel dwarha imma?”