Attivisti Nazzjonalisti, magħrufa għall-appoġġ tagħhom lejn Adrian Delia ħarġu jfaħħru lil Roselyn Borg Knight wara li oħrajn mill-għaqda Repubblika ħarġu juru s-sodisfazzjon tagħhom li din irtirat il-kandidatura tagħha minn mal-Partit Nazzjonalista.
Christoph Schwaiger, attivist ta’ Repubblika u li jippreżenta l-programmi online tal-istess grupp, uża twitter biex jgħid li l-aħbar li Borg Knight irtirat il-kandidatura tagħha żgur li ma kinitx l-agħar aħbar li ħarġet fl-aħħar jiem.
Wara kiteb il-Kunsillier Slimiż Anton Debono, wieħed mill-attivisti favur Delia u li ma’ oħrajn li semma kienu rtiraw mill-elezzjoni tal-Kumitati Sezzjonali ta’ Bormla u ta’ tas-Sliema wara block vote kontrihom mill-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li llum tiddetta x’għandu jagħmel Bernard Grech.
Anton Debono kiteb li l-eks membri tal-Kumitat Sezzjonali ta’ Bormla u ta’ tas-Sliema jixtiequ juru d-dispjaċir tagħhom għall-aħbar li Roselyn Borg Knight irtirat il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Fost tifħir lejn Borg Knight, dwar l-uffiċjal tal-Partit li kienet mill-fazzjoni Delia, Debono qal li kienet hi li ġġielditilhom għall-vot fil-Kunsill Ġenerali wara li dan tneħħilhom.
Hawnhekk il-Kunsillier Nazzjonalista Slimiż qal li l-vot kien ittieħdilhom vilment.
Ma’ Debono ngħaqdu l-Kunsillier l-ieħor Slimiż John Pillow u Tony Galea, b’dan tal-aħħar, fil-bidu ta’ din is-sena, kien wieħed minn dawk li fuq l-għatba tad-Dar Ċentrali qal li kienu saru attakki fil-konfront ta’ Nazzjonalisti, minn Nazzjonalisti stess.
Qal, “Aħna li urtatna ftit u għalhekk qed nirtiraw hija li saru xi attakki li ma messhomx saru. Dik weġġgħatna daqxejn.”
Borg Knight hi waħda minn sensiela ta’ kandidati jew kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista li taħt it-tmexxija ta’ Bernard Grech jew irriżenjaw jew inkella rtiraw il-kandidatura tagħhom.
Borg Knight kienet se toħroġ fuq id-disa’ u l-għaxar distrett minn fejn qed jittamaw li jmorru tajjeb ukoll Karol Aquilina u Jason Azzopardi.
Żewġ deputati kontra Adrian Delia u mill-fazzjoni tal-Blue Heroes, l-iktar qrib ta’ Repubblika.