Il-gazzetta KullĦadd uriet kif teżisti rabja kbira fost nazzjonalisti attivi għall-mod kif żviluppaw il-festi tal-Indipendenza din is-sena.
Fejn mhux biss iċċaqalqu minn Fuq il-Fosos għall-quddiem id-Dar Ċentrali, iżda kienu l-iktar festi fqar li jiftakru f’deċenji.
Il-kritika lejn is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Clyde Puli u l-Viċi-Kap, Robert Arrigo, hi li kienu fqar anke fil-kontenut politiku li mhux tant marbut mal-kwistjoni finanzjarja.
Fost oħrajn kien innotat kif uffiċjali tal-partit u membri tal-grupp parlamentari kienu esklużi għal kollox mid-diskussjonijiet politiċi.
Konsegwenza tal-fatt li t-tmexxija għadha mhix qed tieħu riskji wara l-konfużjoni li nqalgħet dan is-sajf meta sar sforz kbir biex jitneħħa l-Kap u li warajh kien hemm l-idejn moħbija ta’ membri prominenti tal-grupp parlamentari.
Fi gruppi magħluqa fejn jitkellmu n-nazzjonalisti kien hemm fehmiet differenti, għalkemm spikka d-dwejjaq tan-nazzjonalisti.
“A big flop,” kiteb xi ħadd fost ħafna kummenti ta’ rabja għal min ħa ritratti minn ġewwa d-Dar Ċentrali u xerridhom biex juri kemm l-attivita kienet batuta.
“Farraktuh partit,” kiteb ħaddieħor li qal li jiddispjaċih li l-partit wasal sa hawn u fetħilha fuq dawk id-deputati li lanqas wara l-attivitajiet ma kienu wara Delia.
Fost dawn kien hemm l-eks Kap Simon Busuttil u l-MEP David Casa.
Jidher li mhumiex tal-istess fehma l-uffiċjali preżenti tal-Partit Nazzjonalista bis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli jgħid fil-mass meeting li ċert li se jkun hemm żminijiet aħjar.
Iżda, fuq kollox f’ħafna kummenti ħareġ sentiment ta’ apatija b’ħafna qatgħu qalbhom li Adrian Delia jista’ jieħu l-messaġġ li dak li sar fl-aħħar sentejn mhuwiex tajjeb biżejjed biex irebbaħ lill-Partit Nazzjonalista. Ane għax ma bidel xejn.
Tant li d-diskors ta’ Delia kien ukoll deskritt mill-Partit Laburista bħala ripetizzjoni tad-diskors tas-sena li għaddiet u fi stqarrija l-Partit Laburista qallu li jekk ried jiffranka l-flus seta xandar id-diskors li għamel fl-2018.