“Jien minix Laburista, pero’ fejn hu fair, fair. Jien qatt ma kellimt lil ħadd, imma meta kelli bżonn hysterectomy, f’kemm ili ngħidlek bgħatu għalija. Ma kelli bżonn ebda żwiemel jimbuttawni ‘l quddiem.”
Kliem mara li ċemplitilna ftit tal-ħin ilu, imweġġa’ bi kliem Simon Busuttil fuq il-fosos il-bieraħ, waqt diskors li suppost kellu jfakkar fl-Indipendenza u jgħaqqad lill-Maltin bħala poplu.
Il-mara xtaqet tibqa’ anonima, appuntu peress li tiddikjara b’wiċċha minn quddiem li mhix Laburista. Inzertat ukoll għaddejja minn problemi ta’ saħħa. Wara li għamlet hysterectomy, għamlet il-chemotherapy, u issa waslet għar-raġġi, bit-tama li tfejjaq il-marda tal-kanċer.
Simon Busuttil ilbieraħ qal li min għandu bżonn kura għandu jeħodha bi dritt, “mhux bi pjaċir jew irid imur jittallab għand il-President”. Żied jgħid li taħt dan il-Gvern, wieħed ikollu “jittallab għand il-Ministru” biex jinqeda, u jinqeda “skont meta jgħidu ta’ Kastilja”.
B’reazzjoni, il-mara li kellmitna qalet hekk: “Dik gidba faħxija. L-ewwel nett hemm servizz tajjeb, u minn naħa tar-radio therapy, nista’ ngħid li s-servizz huwa bellezza. Ma nafx xi jrid jgħid biha, meta jgħid li mhux jagħtu chemo lil kulħadd. Lili anke barra minn Malta se jibgħatuni, għax qaluli minn jheddhom li hekk għandi bżonn”.
B’ton verament urtat, żiedet tgħid: “Nikkonferma li dak li qed jingħad, qed jingħad b’gideb, għax hemm servizz u huwa tajjeb. Mhux qed ngħid li kollox mexa tajjeb taħt dan il-Gvern, għax għandi ħafna, ħafna dubji. L-isptar qatt ma kien fis-sitwazzjonil li qiegħed fih illum. Kif smajt dak id-diskors, ma tanix li ma nitkellimx ma xi ħadd li kapaċi jwassal il-messaġġ”.
Dwar l-esperjenza li għaddejja minnha, qaltilna: “Tmur, issib nurses u tobba taz-zokkor. Ma domtx nistenna, lanqas xejn, from one to another, anke biex nagħmel scan. Meta qaluli li ħa mmur barra, għax iddeċidew li għall-aħjar tiegħi, ma kontx naf x’se naqbad ngħid. U l-indafa li hemm hija inkredibbli. Naħseb Simon Busuttil hawn qiegħed jinqeda bis-sentimenti tad-dgħajjef. Mhux qiegħda ngħid li ma ssibx min igorr, imma mhux vera li hemm xi stennija enormi”.
Kompliet tgħidilna li tul ħajjitha użat ħafna s-settur privat għall-kura fil-qasam tas-saħħa, u għalhekk tħossha f’pożizzjoni tqabbel dak li qed tesperjenza bħalissa fis-servizzi li qed joffri l-Gvern.
“Jien din qed iddejjaqni fil-Partit Nazzjonalista. Li kollox qed jara iswed. M’hemm xejn li huwa tajjeb u li jkun onest u jsejjaħlu abjad” temmet tgħid din il-mara.