It-tmien edizzjoni tal-Fun Run tal-President se ssir fis-sitta ta’ Novembru li ġej b’risq il-Malta Community Chest Fund. Dettalji dwar din il-festa ta’ solidarjeta’ u inklużjoni, ingħataw fil-kumpless sportiv ta’ Ħal Kirkop li din is-sena se jkun qed jospita l-Istrina.
Għal din is-sena, l-fun run se tinvolvi ġirja li tibda mir-Rabat u tliet mixjiet li lkoll se jwasslu għal destinazzjoni waħda aħħarija, dik tal-Pjazza ta’ San Ġorġ fil-Belt Valletta. Waħda mir-rottot tat-tliet mixjiet tibda mill-Universita’ ta’ Malta u din se tkun ir-rotta li se tagħmel il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca.
Mixja oħra li nistgħu ngħidu saret tradizzjonali se tkun qed tibda minn Santa Venera u l-mixja l-oħra li wkoll saret popolari hija dik li tibda minn Raħal Ġdid. Minkejja r-rottot differenti li wieħed jista’ jaqbad, dawn ilkoll se jkunu qed jibdew fl-għaxra ta’ filgħodu. Il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca fakkret kif ta’ kull sena, il-Malta Community Chest Fund tonfoq bejn €250,000 u €300,000 fix-xahar.
Dan dejjem bil-għan li tgħin persuni morda bil-kanċer, mard kroniku sever u anke familji li jkollhom bżonn l-għajnuna. Intant, l-applikazzjonijiet għal kull min jixtieq jipparteċipa se jkunu miftuħa min-nhar it-Tnejn li ġej u intqal ukoll li għal sena oħra, Transport Malta se tkun qed toffri s-servizz ta’ trasport b’xejn mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.