Wara li, aktar kmieni din il-ġimgħa, tħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla, kienu bosta s-sħab soċjali u oħrajn li nnutaw ir-ruħ soċjali ta’ dan il-Budget, li qed joffri sostenn għal dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.
Fr Hilary Tagliaferro huwa l-moħħ wara l-Millenium Chapel f’Paceville, u hemmhekk jiltaqa’ ma’ nies li jkollhom bżonn lil min jismagħhom u jgħinhom.
Filwaqt li stqarr li għajnuna finanzjarja bħal dik li ta l-Gvern fil-Budget hija bżonnjuża għal dawn in-nies, b’mod speċjali f’dan iż-żmien ta’ sfidi madwar id-dinja kollha, Fr Hilary tkellem dwar l-importanza li wieħed dejjem jibqa’ jisma’ u jgħin lill-aktar persuni batuti.
“Aħna mmissu l-polz tal-poplu fil-viċin, għax in-nies il-ħin kollu jiġu hawnhekk. Nixtiequ li għandna l-flus tad-dinja kollha biex inqassmu u nagħtu ħalli ħadd ma jbati.”
Fr Hilary tkellem dwar kif illum, aktar minn qatt qabel, dak li jiġri madwar id-dinja għandu effett qawwi fuq il-gżejjer Maltin.
“… Bilfors hemm nies li qed ibatu, u allura jagħmel tajjeb il-Gvern li jindirizza l-attenzjoni tiegħu b’mod partikolari lil dawk in-nies li qed jintlaqtu mill-konsegwenzi tad-dinja li qed ngħixu fiha.”
Huwa spjega li, f’xena internazzjonali mimlija kunflitti u kriżijiet, tkun deċiżjoni sempliċi li wieħed jaħseb fih innifsu l-ewwel u qabel kollox. Madanakollu, fakkar li huwa dan ir-raġunar li jwassal għall-istess kunflitti. Għalhekk, Fr Hilary fakkar fi kliem il-Papa Franġisku.
“Il-Papa Franġisku, li għandu għal qalbu dan is-suġġett, tkellem ċar u tond: qal li nazzjon juri l-kobor tiegħu u l-kapaċità tiegħu meta hu jieħu ħsieb lil dawk l-iktar vulnerabbli, lil dawk l-iktar li qed ibatu.”