Permezz ta’ wirja ta’ karattru, Naxxar Lions għelbu lil Melita bli skor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima, proprju minn żewġ sostituti, b’din tkun il-ħames rebħa għalihom fil-Closing Round.
Naxxar kellhom lil Nikolai Micallef sospiż, waqt li nieqes għal Melita, kien il-player Karl Mohnani minħabba l-istess raġuni.
Kienu Naxxar li ħolqu l-ewwel periklu fit-13-il minuta meta xutt ta’ Ito Yasukadze ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper Pollakk ta’ Melita, Andrzej Lubik.
Fl-20 minuta, Melita qalgħu daqqa ta’ ħarta meta spiċċaw jilagħbu b’għaxar players meta tkeċċa għalihom l-istess Andrzej Lubik wara li miss il-ballun b’idu barra l-kaxxa.
Mill-freekick li rriżulta, xutt insidjuż ta’ Maicon De Souza Silva ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper sostitut ta’ Melita, Gosef Mizzi.
Naxxar bdew japprofittaw mill-fatt li bdew jilagħbu bi player aktar u fit-42 minuta fetħu l-iskor meta s-sostitut HUGO DOS SANTOS COELHO li kien ilu biss disa’ minuti fil-ground, mill-viċin għeleb għal kollox lil Mizzi.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Naxxar ħarġu ferm aggressivi u fil-51 minuta rduppjaw l-iskor meta Hugo Coelho għadda tajjeb lejn TAKUMA YAMAGUCHI li minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa.
Iżda Melita wettqu reazzjoni tajba u fit-58 minuta, daqqa ta’ ras ta’ Michael Cachia għaddiet barra. Fl-64 minuta kien Takuma Yamaguchi għal Naxxar li żmarkat quddiem Gosef Mizzi ra lil dan tal-aħħar isalva tajjeb.
L-istess Yamaguchi fis-70 minuta kellu f’saqajh il-ballun tat-tielet goal għal Naxxar iżda minn quddiem il-lasta tefa’ inkredidibilment għoli.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Slobodan Petrovic
Plejer tal-Logħba: Takuma Yamaguchi (Naxxar L.)