Naxxar L. ħasdu lil Marsaxlokk meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0 biex kisbu tliet punti prezzjużi.
Kienu Marsaxlokk li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss sitt minuti Luca Lopes xeħet għoli wara li rċieva minn freekick ta’ Leandro Aguirre.
Naxxar wieġbu fl-10 minuta permezz ta’ xutt minn tarf il-kaxxa ta’ Maicon li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper tax-Xlukkajri Matthew Calleja Cremona.
Madankollu fil-25 minuta Naxxar fetħu l-iskr liema goal kellu jkun dak tar-rebħa meta Maiccn xeħet cross mil-lemin u EDWARD BOLANOS bir-ras tefa’ ġewwa.
Marsaxlokk wieġbu fl-44 minuta meta Jorge Ailton Soares kellu xutt mill-ewwel jintemm ftit għoli.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Marsaxlokk ħarġu ferm aggressivi u fis-56 minuta Yuri De Jesus Messias kellu daqqa ta’ ras mill-viċin salvata tajjeb mill-goalkeeper ta’ Naxxar, Matthais Debono. Dan sabiex fis-70 minuta Yuri De Jesus Messias temm azzjoni tajba fuq ix-xellug b’pass lejn Alex De Aguilar Gomes li kellu l-konklużjoni tiegħu tgħaddi tħakkek mal-lasta.
Fil-ħin miżjud, Alex Aguilar De Gomes dejjem għal Marsaxlokk kellu xutt mill-viċin iwara li rċieva mingħand Duane Bonnici mix-xellug, salvat tajjeb minn Debono.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: Edward Bolanos (Naxxar L.)