Naxxar Lions ħasdu lil Hibernians meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0, bil-goal uniku għalihom jasal permezz tal-captain Ryan Gilmour Cassar fl-ewwel taqsima, eżattament fl-34 minuta. B’hekk wara żewġ telfiet konsekuttivi, huma irritornaw għar-rebħ.
Madankollu, għalkemm Naxxar ħarġu fuq in-naħa rebbieħa m’hemmx dubju li meta wieħed jikkunsidra dak li ħolqu l-Pawlisti fit-tieni taqsima, riżultat ta’ draw kien ikun wieħed iktar ġust.
Hibernians kellhom jgħaddu mingħajr is-servizzi tal-iskorer prolifiku Lucas Villela Lapert minħabba li kien sospiż.
Qabel il-partita, il-captain ta’ Hibernians Bjorn Kristensen ġie ppremjat bħala l-LifeStar MVP għax-xahar ta’ Marzu 2025 minn rappreżentant ta’ LifeStar, b’din tkun it-353 partita għal dan il-player bil-flokk tal-Pawlisti.
Kienu Naxxar li ħolqu l-ewwel periklu wara seba’ minuti meta l-Ġappuniż Takuma Yamaguchi wara li rċieva minn cross mil-lemin kelllu xutt mill-viċin li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper żagħżugħ tal-Pawlisti Hugo Sacco, li f’din il-partita kien qed jirritorna jiddefendi l-lasti minflok il-goalkeeper Spanjol, Pablo Nino Sanchez.
Huma komplew jiddetaw il-logħob u fis-16-il minuta, Barbosa mid-distanza kważi ħasad lil-Pawlisti iżda pront kien il-Grieg Ilias Apostolos li salva minn fuq il-linja fatali.
Hibernians wieġbu erba’ minuti wara meta xutt sabiħ ta’ Dexyer Xuereb intemm barra.
Iżda fit-33 minuta Naxxar rebħu penalty meta Ilias Apostolos deher li miss il-ballun b’idu fil-kaxxa, biex mill-11-il metu inkariga ruħu RYAN GILMOUR CASSAR li permezz ta’ xutt fil-baxx ma żbaljax.
Hibernians resqu viċin li jġibu l-iskor indaqs fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima meta xutt mill-ewwel minn tarf il-kaxxa ta’ Jurgen Degabriele intemm ftit għoli.
Il-pressjoni kienet kollha fuq Hibernians u fil-ftuħ tat-tieni taqsima ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs, fejn bħalma għamlu lejn tmiem l-ewwel taqsima, fit-48 minuta, reġgħu resqu qrib li jsibu x-xibka meta wara li rċieva minn corner ta’ Dexter Xuereb, il-Brażiljan Pedro Henrique Nunes Silva kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ftit barra.
Huma komplew jippressaw u fis-56 minuta freekick ċentrali minn pożizzjoni ideali ta’ Khevin Rodrigo Fraga rriżulta bħala kemmxejn fraġli u ġie salvat mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Naxxar, Matthias Debono.
Kulma jmur kompla d-dominju tat-tim minn Raħal Ġdid u tliet minuti wara Jurgen Degabriele kellu l-konklużjoni tiegħu mill-viċin mhux preċiża u ntemmet ftit barra.
Kellu jkun Jurgen Degabriele li jerġa’ joħloq il-periklu għall-Pawlisti fit-63 minuta, meta din id-darba kellu xutt minn tarf il-kaxxa li reġa’ ntemm ftit barra.
Naxxar wieġbu fid-69 minuta meta xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata ta’ Bolanos għadda ftit barra.
Madankollu reġgħu kienu Hibernians li ħolqu l-periklu fit-72 minuta permezz tas-solitu Jurgen Degabriele li kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin salvat f’corner bi bravura minn Debono, biex salva goal ċert.
Iżda kienu Naxxar li komplew jamministraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Trustin Farrugia Cann
Plejer tal-Logħba: E. O. Bolanos Angulo (Naxxar L.)