Naxxar L. ħasdu bil-kbir lil Birkirkara meta dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 biex b’hekk kisbu l-ewwel rebħa wara sitt telfiet konsekuttivi u disa’ logħbiet infila mingħajr rebħa fil-kampjonat.
M’hemmx dubju li din kienet rebħa li swiet mitqlu deheb għal Naxxar speċjalment biex tgħolli l-moral tagħhom, u jkomplu jittamaw li staġun ieħor jilagħbu mal-elite tal-football Malti.
Min-naħa l-oħra din kienet l-ewwel telfa għal Birkirkara, li xejn ma mpressjonaw waqt din il-partita, wara ħames logħbiet konsekuttivi b’riżultati utli pożititivi fil-kampjonat.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu fit-tmien minuta meta Maxuell Maia kellu xutt angulat fil-baxx li ġie salvat minn mal-art mill-goalkeeper żagħżugħ ta’ Naxxar, Matthias Debono.
Huma kamplew jiddettaw il-logħob u erba’ minuti wara, wara freekick ta’ Maxuell Maia, qamet taħwida fil-kaxxa u l-captian Ryan Gilmour Cassar bir-ras tefa’ f’corner b’diffikultá, fejn għal ftit ma kkommettiex auto-goal.
Azzjoni wara l-oħra, Birkirkara finalment fetħu l-iskor fis-16-il minuta meta wara li rċieca minn cross pinġut ta’ Leandro Lacunza, MAXUELL MAIA kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ġewwa, biex b’hekk kompla jikkonsolida postu fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers b’16-il goal.
Naxxar wieġbu għall-ewwel darba fis-37 minuta meta Edson Farias Cerqueira xeħet cross li sab lil Maicon De Souza Da Silva li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin salvata tajjeb minn mal-art mill-goalkeeper Taljan ta’ Birkirkara, Giacomo Volpe.
Huma komplew jipproduċu logħob sabiħ u fit-43 minuta ġabu l-iskor indaqs meta minn cross ta’ Ryan Gilmour Cassar, il-Bulgaru Tomislav Papazov, fit-tentattiv li jikklerja l-ballun f’sigurtá tefa’ l-ballun fil-lasta tiegħu stess biex b’hekk irriżulta auto-goal klassiku.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Naxxar komplew fejn ħallew fi tmiem l-ewwel waħda u fis-57 minuta qalbu l-iskor favurihom Laton indirizza cross fid-direzzjoni ta’ MAICON DE SOUZA DA SILVA li kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Kien biss fil-ħin miżud li waslet l-azzjoni sussegwenti, b’Birkirkara jkunu huma li joħolqu l-periklu, meta Maxuell Maia, kellu rovexxjata mill-viċin li ntemmet barra.
Dan sabiex fil-95 minuta Naxxar spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom permezz ta’ karta ħamra diretta, is-sostitut Takuma Yamaguchi.
Referee: Philip Farrugia
Plejer tal-Logħba: Maicon De Souza Da Silva (Naxxar L.)