Naxxar Lions komplew fejn ħallew fir-rebħa sorprendenti ta’ 2-1 kontra Birkirkara meta dawru telfa f’rebħa kbira ta’ 5-2 kontra Melita.
Kienu Melita li ħollqu l-ewwel periklu fid-disa’ minuta meta Kurt Bondin ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda stampa mal-minduda, b’Naxxar jeħilsuha ħafif.
Iżda kienu Naxxar li fetħu l-iskor fis-17-il minuta meta minn nuqqas ta’ ftehim bejn Henrique Marcelino Motta u l-goalkeeper Lubik, HUGO DOS SANTOS COELHO qabbeż il-ballun minn fuq l-istess Lubik u tefa’ ġewwa. Fit-28 minuta, xutt mill-bogħod ta’ Edson Farias Cerqueira għal Naxxar kważi ħasad lil Lubik u ntemm barra.
Melita wieġbu tliet minuti wara meta Yepez kellu xutt angolat minn ġol-kaxxa li ntemm barra. Minuta qabel tmiem il-ħin regolamentari Melita ġabu liskor indaqs wara li l-goalkeeper ta’ Naxxar Matthias Debono tajjar il-ballun li ntemm għand JESUS ANDRES YEPEZ MORLETS li mill-viċin tefa’ ġewwa. Minuta biss wara l-istess player ta’ Melita JESUS ANDRES YEPEZ MORLETS irdoppja l-iskor wara li Debono reġa’ pprova jtajjar il-ballun u l-player ta’ Melita tefa’ ġewwa, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Fis-57 minuta Naxxar ġabu l-iskor indaqs meta EDWARD ORLANDO BOLANOS ANGULO li kien ilu biss minuta fil-ground, rebaħ il-ballun mingħand Aldair Pena Simanca, avvanza fil-kaxxa, dar tajjeb ma’ Henrique Marcelino Motta u b’eleganza tefa’ ġewwa, biex irriżulta goal mill-isbaħ.
Huma komplew jippressaw u mas-siegħa logħob, Ito Yasukaze xeħet cross għan-nofs iżda kemm Coelho kif ukoll Bolanos ma rnexxielhomx jagħmlu kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Azzjoni wara l-oħra Naxxar qalbu l-iskor favurihom minuta biss wara meta minn nuqqas ta’ attenzjjoni fid-difiża ta’ Melita, Bolanos xeħet cross li sab lil EDSON FARIAS CERQUEIRA li mattar siequ u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Huma komplew jiddominaw għal kollox u u fil-65 minuta għamluhom erbgħa meta wara li rċieva minn azzjoni ta’ corner, HUGO DOS SANTOS COELHO kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm ġewwa, biex b’hekk bħall-player ta’ Melita, Yepez Morlets, irreġistra doppjetta personali.
Melita wettqu rezzjoni tajba u fis-86 minuta Marc Van De Font Bovenkamp kellu daqqa ta’ ras minn taħt il-lasta salvata bi bravura minn Matthias Dabono.
Iżda kienu Naxxar li ssiġillaw ir-rebħa permezz tal-ħames goal fil-ħin miżjud meta MAICON DE SOUZA SILVA dar tajjeb ma’ Lubik u mill-viċin tefa’ ġewwa.
Huma komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Daniel Casha
Plejer tal-Logħba: Jesus Andres Yepez Morlets (Melita FC)