Fl-ewwel partita tal-Ħadd fl-Stadium Nazzjonali Naxxar Lions għamlu ċert mis-salvazzjoni tagħhom fil-Kampjonat Premier hekk kif kisbu rebħa komda ta’ 4 – 0 kontra Valletta liema rebħa kienet tfisser relegazzjoni għal Valletta fil-BOV Challenge League.
Appena għaddew biss żewġ minuti mill-ftuħ tal-partita, Naxxar Lions fetħu l-iskor meta kien Takuma Yamaguchi li wara xogħol tajjeb fajjar xutt mid-distanza li ma ħafirx u ntemm wara l-goalkeeper Alessandro Guarnone.
Tlett minuti wara u mill-ġdid kienu Naxxar, meta kien hemm freekick dirett ta’ Neil Pace Cocks, bil-goalkeeper Belti dawwar f’corner. Naxxar komplew jiddettaw l-logħob u fil-9 minuta, Pablo Augusto Servo De Carvalho tefa kross fil-baxx li sab li Edson Farias li ra x-xutt tiegħu jagħdi ferm għoli.
Fit-18 il-minuta waslet l-ewwel azzjoni mit-tim ta’ Valletta meta kien Alfred Sillias li prova kross, iżda pront kien l-goalkeeper Matthias Debono li ħareġ fl-arja u ħataf l-ballun biex in-newtralizza l -azzjoni.
Għaxar minuti wara u reġgħu Valletta meta kien Filhio Prestes li għadda lejn Ewrun li ra ċ-ċans tiegħu jiġi mdawwar f’corner. Fl-azzjoni li segwit minn corner Valletta resqu qrib permezz ta’ Federico Falcone li kellu d-daqqa ta’ ras tkun mdawwra f’corner ieħor mil-goalkeeper Matthias Debono.
Naxxar Lions għamlu l-iskor 2 – 0 fit-32 minuta meta minn kross ta’ Takuma Yamaguchi kien Pablo Augusto Servo De Carvalho li qabad lid-difiża Beltija statitka u b’xutt mal-ewwel fuq d-dawra tefa’ l-ballun fix-xibka.
Ir-risposta ta’ Valletta fid-39 minuta permezz ta’ freekick ta’ Santiago Ferraris li kien salvat tajjeb mill-goalkeeper Debono, dan biex mumenti biss wara kien Kevin Ewrun li kellhu xutt li għadda jħakkek minn max-xibka.
Valletta pattew qares ta’ dan għax fil-41 minuta Naxxar Lions għamlu l-iskor 3-0, meta wara azzjoni ta’ corner ta’ Neil Pace Cock l-ballun niżel fil-kaxxa u kien Robinson Blandon li tefa l-ballun fil-lasti difiżi mill-goalkeeper Guarnone.
L-ewwel azzjoni tat tieni taqsima waslet fit-52 minuta min Naxxar meta kien Ito Yaskuza li qassam lura lejn Robinson Blandon li x-xuttja mill-ewwel iżda Guarnone salva.
Naxxar komplew bix-xalata ta’ gowls u fl-64 minuta wara żball fid-difiża ta’ Valletta kien Pablo Augusto De Carvalho li rebaħ l-ballun u wara li avvanza qassam lejn Robinson Blandon li b’xutt li ma jaħfirx ikkonkluda fix-xibka.
Tnax il-minuta mit-tmiem u mill-ġdid kienu Naxxar meta s-sostitut Mark Fenech għadda ballun l-quddiem lejn Pablo Augusto Servo De Carvalho li kellhu l-konklużjoni tiegħu salvata mill-goalkeeper Belti.
Tlett minuti mit-tmiem u kien Federico Falcone għal Valletta li wara li rċieva l-ballun prova xutt minn gol-kaxxa li kien mtajjar f’corner minn difensur Naxxari.
Referee: Malcolm Spiteri
BOV plejer tal-Logħba: Pablo Augusto Servo De Carvalho (Naxxar L.)