L-għaqda mhux governattiva Nature Trust avżat biex persuni li jgawdu l-bajjiet ramlin f’pajjiżna biex ma jħallux ħofor kbar li faċilment ikunu ta’ periklu u anke ostaklu għall-frieħ kollha tal-fkieren li jistgħu jfaqqsu fil-post.
L-għaqda qalet li, partikolarment fir-Ramla l-Ħamra fejn jista’ jkun li hemm xi bejtiet tal-fkieren, fl-aħħar tlett iljieli nstabu ħofor kbar ħafna, li fihom jistgħu jweġġgħu anke n-nies li jkunu qed jimxu matul il-lejl.
Fuq il-midja soċjali, permezz tal-paġna Wildlife Rescue Team Malta, l-għaqda tenniet li voluntieri tagħha qed ikunu għassa kull lejl f’każ li tfaqqas xi bejta f’bajjiet simili.
Qalet li dawn l-ewwel ħaġa li jagħmlu hu li jiċċattjaw kastelli tar-ramel u jimlew ħofor li jitħallew. Waqt li ħeġġet lil kulħadd biex igawdi dawn il-bajjiet mill-isbaħ li għandna, appellat biex kulħadd ikun responsabbli.