Għal sena oħra, l-Aġenzija Sedqa – fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, l-FSWS, qed tmexxi mijiet ta’ sessjonijiet ta’ prevenzjoni fl-iskejjel tal-istat, tal-knisja u indipendenti, bħala parti mill-programm “Teen Outside The Box”.
Dan il-programm isir ma’ studenti tal-Form 2, li jkollhom madwar ħdax jew tnax-il sena, b’kollaborazzjoni mal-Anti-Substance Abuse Team fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni.
Waqt waħda mis-sessjonijiet fil-Kulleġġ San Inazju fl-iskola medja f’Ħandaq, Miriana Ferrito, Prevention Professional ta’ Sedqa, spjegat li “Teen Outside The Box” huwa msejjes fuq l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw l-għodda meħtieġa biex iżommu ’l bogħod mill-vizzji.
Is-sessjonijiet isiru f’forma ta’ workshops interattivi li jagħtu spazju liż-żgħażagħ biex jiddiskutu suġġetti varji, permezz ta’ riżorsi innovattivi.
“F’dan il-programm hemm tliet sessjonijiet. L-ewwel waħda hija dwar decision making u coping skills. Hemmhekk niddiskutu kif nieħdu deċiżjonijiet tajbin, kif inkampaw f’sitwazzjonijiet diffiċli u d-differenza bejn ħiliet biex tkampa tajbin u ħiliet biex tkampa forsi naqra inqas pożittivi. Fit-tieni sessjoni nitkellmu dwar użu għaqli tat-teknoloġija, fejn nenfasizzaw l-importanza tal-bilanċ u d-definizzjoni tal-qerq online u kif wieħed jista’ jibqa’ sigur meta jkun qed juża online platforms, u fl-aħħar sessjoni nitkellmu dwar il-vizzji.”
Prevwntion Professional ta’ Sedqa, Miriana Ferrito
Il-Kap tal-iskola, Dr Maria Montebello spjegat l-importanza li dawn is-suġġetti jiġu diskussi f’età li tara lill-istudenti jgħaddu mit-tfulija għaż-żgħożija; meta jesperjenzaw bidliet li jaffettwawhom fiżikament u emozzjonalment.
“Dawn is-sessjonijiet huma importanti ħafna biex dawn it-tfal jagħtuhom il-ħiliet u l-għarfien biex dak li jkunu għaddejjin minnu jkunu l-ewwel nett jistgħu jagħrfuh, jaċċettawh, u fl-istess ħin ikollhom ukoll l-għajnuna professjonali li tgħinhom f’din il-fażi importanti fit-trobbija tagħhom.”
Il-Kap tal-Iskola, Dr Maria Montebello
Smajna mingħand iż-żgħażagħ infushom dak li tgħallmu waqt “Teen Outside The Box”.
“Tkellimna fuq il-vizzji l-ħżiena per eżempju l-alkoħol, sigaretti, vapes u tgħallimna fuq kif l-Aġenzija Sedqa tipprovdi biex tgħin għal dawn il-vizzji għal min ibati bihom ħalli ma tmutx Allaħares qatt jekk ikollok bżonn l-għajnuna medika, ħalli tgħinek biex tieqaf minn dan il-vizzju.”
“Tgħallimt x’inhi l-Aġenzija Sedqa, x’jagħmlu u għalfejn jagħmlu dan, tgħallimt x’inhuma l-vizzji, xi jfissru, per eżempju xorb żejjed. Mhux ħażin li tixrob imma xorb żejjed ħażin għall-ġisem. Per eżempju, l-internet mhux ħażin tkun fuq l-internet imma mbagħad jekk isir l-iktar ħaġa important fil-ħajja, ikun ħażin għalik.”
“Jiena tgħallimt li minflok ikollna l-vizzji, irridu nagħmlu affarijiet oħra bħal eżerċizzju.”
“Tgħallimt li jgħinu ħafna nies u li hawn tfal u nies daqsi li jgħaddu minn dawn il-problemi.”
Dawn is-sessjonijiet isiru tul is-sena skolastika kollha mill-professjonisti ta’ Sedqa.
Tul is-sena skolastika li għaddiet biss, saru aktar minn sitt mija u tletin sessjoni, li matulhom intlaħqu aktar minn erbat elef u erba’ mitt student.