National Lottery plc, kumpanija sussidjarja tal-GRUPP IZI, inawguraw investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro f’post tal-logħob mill-aktar modern li se jopera taħt l-isem ta’ IZIBINGO.
Din il-faċilita’ se jkollha wkoll għall-ewwel stallazzjoni storika tat-tiġrijiet taż-żwiemel (HHR) barra mill-Istati Uniti u se jservi bħala vetrina Ewropea għal dan il-prodott innovattiv mill-GRUPP IZI, bl-għan li anke jespandi b’mod internazzjonali.
Ġewwa dan l-istabbilimet ġdid ta’ IZIBINGO wieħed jista’ jsib sala tat-tombla rinnovata bi 312-il siġġu, 120 terminal storiku tat-tiġrijiet taż-żwiemel, kif ukoll faċilita’ ta’ Sportsbook apposta.
It-tnedija ta’ IZIBINGO saret fi żmien meta l-IZI Group qed jiċċelebraw avvenimenti importanti, fosthom sentejn minn meta ħadet l-operat tal-lotterija nazzjonali ta’ Malta, ħmistax-il sena minn meta ħadu l-operat tal-Casino tad-Dragonara u għaxar snin minn meta ġiet imnedija IZIBET.
Fil-kummenti li tagħna l-uffiċjal tal-kumpanija National Lottery, Franco Degabriele, qalilna kif dan l-investiment li sar mill-IZI Group ilaħħaq madwar żewġ miljun ewro.
“Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Gaming, għandna prodott illi ħareġ għall-ewwel darba mill-Istati Uniti. Aħna ilna għal dax-xhur kollha naħdmu ma’ numru ta’ kumpaniji, fosthom l-EXACTA u l-IGT, biex inkunu nistgħu nġibu dawn il-prodotti ġewwa Malta. Sar investiment globali, anke fil-Bingo Hall il-ġdida, u hawn ukoll għall-ewwel darba f’Malta hawn post fejn l-prodotti kollha tal-Gaming tista’ ssibhom taħt saqaf wieħed.”
Fil-kummenti li ta il-Ministru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, sostna kif dan il-proġett mhuwiex sempliċiment investiment ta’ €2 miljun , imma huwa nvestiment b’teknoloġija ġdida, teknoloġija Amerikana, li allura anke qed tesporta għall-ewwel darba f’pajjiż Ewropew.
“Dik it-tip ta’ kunċett li rridu naħsbu issa fuq livell ta’ pajjiż li mhux biss il-kumpaniji kibru hawn Malta, li huwa tajjeb li jippożizzjonaw f’Malta, imma biex inkomplu nibnu nafu allura l-limitazzjonijiet tagħna bħala pajjiż u issa rridu nħarsu lejn barra mill-pajjiż biex it-tkabbir ekonomiku jiġi xprunat kemm jista’ jkun minn attivita’ li ssir barra iżda l-ġid ta’ dik l-attivita’ kemm jista’ jkun imbgħad ingawduh minn frott li jirriżulta ġewwa pajjiżna.”