Nathan Lee Xuereb, li rebaħ il-midalja tad-deheb fil-kategorija tal-Juniors tad-Double Trap waqt il-Kampjonat Ewropew li sar f’Lonato, l-Italja.
Xuereb spiċċa fl-ewwel post fis-semifinali meta laqat 29 minn 30 plattina. B’hekk għadda għall-finali għar-rebħ tal-ewwel u t-tieni post kontra t-tiratur Taljan Jacopo Dupre de Foresta. Nathan Lee Xuereb kien fi klassi għalih hekk kif laqat 28 plattina minn 30 fil-finali, filwaqt li t-tiratur Taljan laqat 24, biex hekk kif it-tiratur Malti ħareġ rebbieħ.
Dan huwa unur ieħor fil-kullana ta’ suċċessi għal dan it-tiratur żagħżugħ kif ukoll ghal dan l-isport.
Is-Segretarju Parlamentari, Chris Agius, feraħlu għal dan l-unur u żied li dan ikompli jikkonferma l-għaqal tal-Gvern u ta’ SportMalta li jagħti s-sostenn lil sport divers li qiegħed isarraf f’riżultati.
“L-isport tal-isparar minn dejjem ġab lejn pajjiżna suċċessi u allura huwa għaqli li l-Gvern ikompli jinvesti, kif qiegħed jagħmel, sabiex l-atleti jkollhom il-faċilitajiet ħalli jitħarrġu bl-aħjar mod possibli,” qal Agius.