B’reazzjoni għall-iżball li seħħ fir-riżultat tal-konkors tas-sbuħija ta’ Miss Malta, Natalya Galdes li oriġinarjament kienet mħabbra bħala Miss Republic of Malta 2020 fis-serata finali, qalet li mhux tassew li aċċettat jew approvat xi ħaġa.
Fuq il-profil tagħha fuq Facebook, Miss Sliema esprimiet id-diżappunt tagħha u qalet li dak li ġara umiljaha.
“Dan hu konkors nazzjonali u mhux aċċettabbli li jkollok żbalji ta’ dan it-tip”, qalet it-tfajla li spiċċat b’xejn wara li tħabbar li fil-fatt kienet Nicole Agius (Miss Attard) li ħadet it-titlu ta’ Miss Republic of Malta.
Natalya staqsiet: “Għalfejn ħadu jumejn ir-riżultati biex jiġu ċċekkjati? Fejn kien l-iżball? “X’garanzija għandna li dan hu r-riżultat il-propja.”
Hija sostniet li minkejja li dan il-konkors tas-sbuħija jippromovi mal-parteċipanti l-kunfidenza fik innifsek, dan l-iżball umiljaha.
“L-ewwel tingħata t-titlu u l-midja ġġib li inti rbaħt imbagħad jgħidulek li kien żball”, saħqet Galdes li spjegat ukoll kif baqgħet ma rċeviet l-ebda tip ta’ apoloġija.
Natalya Galdes saħqet li l-argument tagħha m’għandhom x’jaqsmu xejn mat-tfajla l-oħra li issa ħadet it-titlu.
“Ġenwinament nifirħilha u jiddispjaċini li t-titlu nsteraq lilha”, saħqet it-tfajla.