Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza tal-ewwel Qorti f’kawża ta’ libell mitlufa mill-ex editur tal-istazzjon nazzjonali Natalino Fenech kontra l-editur maniġerjali tal-media today Saviour Balzan.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Anthony Ellul kellha kliem iebes fil-konfront ta’ Fenech u qalet li kienet tistenna aħjar minn persuna li kien jokkupa l-kariga ta’ editur u kap tat-taqsima tal-aħbarijiet tal-PBS.
Il-każ jittratta artiklu miktub minn Balzan f’April ta’ disa’ snin ilu. Balzan akkuża lil Fenech b’gideb meta ppubblika aħbar tgħid li Joseph Muscat ma kienx se jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Laburista. Dan minkejja li qabel il-bullettin, Dr Muscat ikkonferma miegħu li kien se jikkontesta għall-kariga ta’ Mexxej.
Ir-rapport li xxandar ma kien jagħmel l-ebda referenza għal dak li qal Dr Muscat u minflok ingħad li kien interessat fil-kariga ta’ mexxej. Fi kliem il-qorti, każ klassifku fejn min qed jagħti l-aħbar mhux ikun fidel lejn il-verità.