Negozji li huma mmexxija minn sidien nisa huma l-iktar settur ekonomiku li qed jikber malajr f’diversi pajjiżi, inklużi fl-Istati Uniti, madankollu f’Malta, l-aġenda li tmexxi ‘l quddiem l-imprenditorija femminili għadha lura.
Filfatt, 60% tal-gradwati mill-Università ta’ Malta huma nisa, iżda mbagħad huma biss 8.5% tal-karigi kollha f’livell ta’ bordijiet tal-kumpaniji fuq il-Borża ta’ Malta li huma ta’ nisa. Din hi l-aktar rata baxxa fl-UE.
Andrew Beane, Kap Eżekuttiv tal-HSBC Bank Malta p.l.c, qal: “Kuntenti li l-Premjijiet tal-Businesswoman tas-Sena qed jiffukaw l-attenzjoni fuq il-kisbiet tan-nisa u jiċċelebraw il-kontribut tagħhom fil-qasam tan-negozju u lil hinn minnu. Nispera li n-nisa li rebħu dawn il-premjijiet din is-sena jispiraw lil oħrajn biex isegwu l-passi tagħhom.”
Il-President tal-bord tal-ġudikanti ta’ dawn il-premjijiet, Sonia Hernandez, qalet: “Kburija li Vodafone qed tikkontribwixxi b’mod notevoli għal din l-aġenda rilevanti għan-nisa biex ikunu jistgħu jkomplu jimxu dejjem ‘il quddiem u jiena qed nimpenja ruħi personalment għal dan il-għan u ngħin iktar nisa biex jirnexxu f’Malta. Inħeġġeġ lill-mexxejja tan-negozji f’Malta biex jikkunsidraw id-diversità bħala parti mill-istrateġija tal-kumpaniji tagħhom u lin-nisa li għandhom talent biex jieħdu din l-opportunita’. Filwaqt li nagħti prosit kbira lir-rebbieħa ta’ din is-sena, għas-sena d-dieħla, nixtieq nara ħafna iktar nominazzjonijiet. Waqt li kien privileġġ u unur kbir għalija li naħdem flimkien mal-ġudikanti tagħna għall-ewwel darba f’dan l-avveniment, nirringrazzjaw lill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca u lill-HSBC Bank Malta talli għamlu dan possibbli.”