Qatt ħsibt kif il-belt tal-Kavallieri tista’ tinbidel f’villaġġ tal-Milied? Mela, nhar il-Ġimgħa u s-Sibt 21 u 22 ta’ Diċembru zur l-attivita Natale al Collachio, il-Festival tal-Milied fil-Birgu, fil-parti l-antika u storika ta’ din il-belt, mibnija fi żmien il-Kavallieri.
Il-Collachio, li fi żmien l-Ordni ta’ San Ġwann kien il-post riservat għalihom biss, se jinbidel f’xenarju uniku tal-Milied permezz ta’ tiżjin tradizzjonali u eleganti li tassew jixraq lil din il-belt antika. It-toroq tal-Collachio se jkunu fiċ-ċentru ta’ dan il-festival tal-Milied.
It-tradizzjoni tal-purċissjoni tal-Milied, li tmur lura aktar minn 80 sena, ser tkun il-ftuħ ta’ dan il-festival, akkumpanjata mix-Xgħajra Pipes and Drums u kant tal-Milied. Fi tmiem il-purċissjoni, il-figura tal-Bambin Ġesù ser titqiegħed f’presepju life-size li se jkun armat fil-kripta tal-Monasteru tas-Sorijiet tal-Klawsura, propju taħt il-Kappella ta’ Santa Skolastika. F’din il-Kappella ser ikunu mistiedna jkantaw il-grupp Joy Gospel Singers li ser janimaw kunċert tal-Milied nhar il-Ġimgħa 21ta’ Diċembru mis-7:30pm ‘il quddiem. Id-dħul għal dan il-kunċert huwa b’xejn iżda l-postijiet huma limitati minħabba d-daqs tal-Kappella.
Fuq il-Posta ta’ Kastilja, il-post fejn l-istorja tgħidilna li De Vallete kien intlaqat fl-Assedju l-Kbir tal-1565 u t-toroq tal-madwar, se jtuna togħma ta’ dak li ngawdu fix-xahar ta’ Ottubru waqt l-attività tal-Birgufest. Infatti dawn it-toroq se jkunu mdawwla biss bid-dawl tax-xemgħa filwaqt li l-grupp Bernie & Pod se jkunu qed idoqq ukoll diversi siltiet mużikali qabel jagħtu spazju lill-band prinċipali Sterjotipi. Intant, f’din l-akwata tista’ tixtri xi tazza nbid sħuna jew tagħżel xarba Whiskey favorita tiegħek u ssegwi l-ispettaklu matul dan il-festival.
Bla dubju li Natale al Collachio huwa mmirat li jilħaq lill-familja kollha u għalhekk se jkollna spazju miftuħ għat-tfal b’diversi logħob, xogħol ta’ krafts u attivitaijiet oħra. Barra minn hekk, l-attrazzjoni prinċipali għat-tfal kollha bla dubju ser tkun Santa’s House, id-dar ta’ Father Christmas fil-bini mill-isbaħ tal-Berġa tal-Ingilterra. It-tfal se jkollhom ċ-ċans li jiltaqgħu, jitkellmu u jieħdu ritratt ma’ Father Christmas.
Id-dwal, il-mużika, l-ispettaklu u t-toroq dojoq u sbieħ tal-Birgu ser joħolqu atmosfera unika tal-Milied. Natale al Collahio se jagħtik iċ-ċans li tgawdi mal-familja dawn il-jiem sbieħ ta’ festa filwaqt li tixrob u tiekol ikel tradizzjonali Malti ta’ żmien il-Milied fosthom l-imbuljuta ! U jekk tkun għadek ma xtrajtx xi rigal tal-Milied, tista’ wkoll tixtri xi oġġett sabiħ maħdum bl-idejn mill-ħafna stands li ser ikun hemm armati tul dawn it-toroq filwaqt li dduq ftit ċikkulata sħuna sabiex iżżommok fl-atmosfera !
Il-Festival tal-Milied, Natale al Collachio ser ikun nhar il-21 u 22 ta’ Diċembru u huwa organizzat minn TEN08 bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Birgu. Żomm dawn id-dati liberi u titlifx l-ispettaklu li ser toffri l-Belt Vittoriosa għal dawn il-jiem ta’ festa !
Għal aktar informazzjoni u dettalji żur il-paġna tagħna fuq Facebook – https://www.facebook.com/ten08/