“Bħala Gvern qed inressqu emenda leġiżlattiva kruċjali u bżonnjuża biex nassiguraw li nipproteġu l-ħajja tal-mara.”
Dan intqal mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt li kien qed jagħlaq it-Tieni Qari dwar din l-emenda li tipproteġi l-ħajja tal-mara f’każ ta’ kumplikazzjoni waqt it-tqala, kif ukoll lill-professjonisti mediċi.
Il-Ministru Jonathan Attard sostna li b’dak diskuss f’dan id-dibattitu qed tkun iċċarata l-liġi, li qabel kienet prassi.
“Din hija emenda li tagħti l-konfort legali lill-professjonisti mediċi tagħna, li jkunu jistgħu jintervjenu. F’ċirkostanzi oħrajn se jkollna sitwazzjoni, Sur President, li jekk ma jsir l-ebda intervent se tiġi nieqsa l-omm, se tmut l-omm – ħa nkun ċar, u se tmut it-tarbija. Dik hi r-realtà. Għalhekk, nibqgħu ninsistu li din hija emenda favur il-ħajja.”
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Ġustizzja kompla jispjega aktar dwar din l-emenda.
“Din mhijiex emenda li se twassal biex issir għażla bejn l-omm u t-tarbija, kif hawn min qed jipprova jissimplifika l-argument biex inissel il-biża’ f’dan il-pajjiż. Meta tarbija se tkun vijabbli se jsir minn kollox biex tiġi salvata u mhux kif qed jippruvaw jimmanipulaw l-argument in-naħa tal-Oppożizzjoni. Jekk hemm fetu li huwa vijabbli, jiġifieri għandek sitwazzjoni ta’ fetu li jista’ jgħix indipendentement mill-omm, f’dak il-każ mhux se jirriżultaw l-estremitajiet neċessarji stabbiliti f’din l-emenda tan-neċċesità, li tiġi mitmuma t-tqala.”
Hawnhekk il-Ministru semma eżempju b’ċirkonstanzi fejn ikollok persuni, li jistgħu jkunu familji, li mhux jaqblu mad-deċiżjoni tal-professjonist u jagħmlu kwerela jew anki jitolbu inkjesta fil-konfront tal-istess professjonist mediku u tal-omm għax ikun aġixxew fl-aqwa interess tal-pazjent.
“Jien nistaqsi: insa l-estremità tal-priġunerija, għandna ngħadduhom minn dan il-martirju legali? Meta dan ikollok professjonist li aġġixxa fl-aqwa interess tal-pazjent u tal-omm, u l-omm li għaddiet mill-agħar mumenti ta’ ħajjitha, għandna għalfejn ngħadduhom minn dan il-martirju legali?”
Il-Ministru Attard sostna li din l-emenda mhux se ddaħħal l-abort f’pajjiżna, hekk kif is-serjetà u l-gravità tas-sitwazzjoni mhux se tkun deċiża mill-omm imma se tkun deċiża mill-professjonist mediku. Huwa sostna li mhux l-omm se tkun qed titlob li tittermina t-tqala, imma se jkun il-professjonist mediku li jistabbilixxi jekk għandux isir dan l-intervent. Fl-aħħar, irid ikun hemm kunsens mill-pazjent.
Il-Ministru Attard innota li hemm aktar minn 165 akkademiku li jiddikjaraw li huma favur l-emenda li qed iressaq il-Gvern.
Qal ukoll li l-Oppożizzjoni hija konfuża dwar dan is-suġġett tant sensittiv.
“Assistejna, sfortunatament, għal darb’ oħra għal pożizzjoni min-naħa tal-Oppożizzjoni li hija konfuża totalment; konfuża, iva, u agħar minn hekk, ngħid jiena, hija Oppożizzjoni irresponsabbli u malizzjuża fid-diskors tagħha.”
Huwa qal li l-istess biża’ u inkonsistenza min-naħa tal-Oppożizzjoni kienet ukoll fil-liġi tal-kannabis, fil-liġi tal-IVF, u anki dwar ħatriet importanti.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, sostna li l-Gvern jibqa’ miftuħ għad-djalogu dwar din l-emenda, iżda saħaq li se jkun assigurat li din l-emenda ma tagħti l-ebda lok għal abbuż.