Nassab Għawdxi li kien qed jonsob b’mod legali safa vittma ta’ vjolenza minn koppja barranija. Dan ikkonfermatu l-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti l-FKNK fi stqarrija.
Jidher li l-koppja ħasbet li n-nassab kien qed jonsob illegalment u minflok irrappurtawh, ir-raġel imbotta lin-nassab, tefgħu fl-art, u beda jagħtih bil-ponn.
Waqt li n-nassab kien ma l-art stordut, il-barrani għajjat lill-mara tiegħu biex iżżommlu saqajh biex hu jkun jista’ jibqa’ jagħtih f’wiċċu.
Kaċċatur li kien fil-viċinanzi rnexxielu jwaqqaf l-attakk.
L-FKNK qalet li r-raġel, li huwa membru tagħha, iddaħħal l-isptar minħabba ġrieħi li ġarrab ma’ ġismu kollu u rrapporta l-każ lill-Pulizija. Il-Federazzjoni wkoll qed tgħin kif tista’ lill-Pulizija.
Fi stqarrija separata, BirdLife Malta kkundannat kull tip ta’ vjolenza fil-konfront tal-kaċċaturi u n-nassaba, u appellat biex jissaħħaħu l-liġijiet favur il-ħarsien tal-għasafar, il-kaċċa u l-insib illegali, kif ukoll kontra l-vjolenza.