Il-ħidma tal-Pulizija Maltija fil-ġlieda kontra il-kriminalità diġitali ħadet żvolta oħra permezz ta’ sħubija fi proġett imsejjaħ “NoMoreRansom”. Il-ħsieb wara dan il-proġett huwa li jiġi indirizzat b’mod aħjar ir-ransomware. Ir-ransomware huwa tip ta’ programm malizzjuż li jżomm persuni li jkollhom il-kompjuter tagħhom infettat milli jaċċessaw id-dokumenti tagħhom stess. Anke f’Malta, huma diversi l-individwi u l-entitajiet li ġew affettwati minn programmi malizzjużi ta’ dan it-tip.
Dan il-proġett ra il-bidu tiegħu iktar kmieni din is-sena permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Pulizija Olandiża, il-Europol, Intel Security u Kaspersky Lab. Il-Pulizija Maltija ssieħbet flimkien mal-awtoritajiet ta’ diversi pajjiżi oħrajn sabiex jissaħħaħ ix-xogħol li qed isir permezz ta’ dan il-proġett. In-numru ta’ pajjiżi rappreżentati f’ dan il-proġett issa jgħodd 22.
Permezz ta’ dan il-proġett il-kollaborazzjoni b’saħħitha li diġaà teżisiti bejn l-entitajiet li qed jipparteċipaw qed tissarraf f’iktar possibilitajiet għall-vittmi tar-ransomware. Fuq is-sit tal-proġett, www.nomoreransom.org, wieħed jista’ jsib iktar informazzjoni dwar ransomware, kif ukoll tagħrif dwar kif wieħed jista’ jipproteġi ruħu aħjar minn programmi malizzjużi ta’ dan it-tip. Apparti minn hekk, numru ta’ għodod huma disponsibbli b’xejn sabiex jgħinu il-vittmi ta’ ransomware jieħdu lura l-kontroll tal-apparat u l-informazzjoni tagħhom.
Filwaqt li inizjattivi bħal dawn żgur li huma ta’ għajnuna kbira għal dawk li qed jiġu affetwati minn programmi malizzjużi bħar-ransomware, il-Pulizija Maltija tenfasizza l-importanza ta’ miżuri preventivi li permezz tagħhom jitnaqqas l-inċidenza u l-impatt ta’ dawn it-tip ta’ programmi. Dawn il-miżuri sempliċi jinkludu l-użu ta’ programmi ta’ sigurta għal kontra programmi malizzjużi, l-aġġornament regolari tas-sistemi kompjuterizzati kif ukoll it-teħid regolari ta’ back-ups ta’ informazzjoni importanti.
Persuni li jixtiequ iktar informazzjoni is-suġġett, jistu’ jagħmlu kuntatt mas-Cyber Crime Unit fuq 2294 2231 jew computer.crime@gov.mt