“Jitolbu biswit bomba, u l-arloġġi tagħhom jaħdmu differenti. Malta hija l-pajjiż favorit tiegħi fl-Ewropa.”
Kliem il-vjaġġatur Nuseir Yassin, magħruf aħjar bħala Nas Daily.
Il-blogger ta’ fama mondjali ħabbar li se jibda jagħmel it-tours f’diversi pajjiżi, u se jibda proprju b’Malta.
Din mhix l-ewwel darba li Nas Daily, li kiseb il-popolarità bil-filmati tiegħu minn madwar id-dinja, ġej f’pajjiżna.
S’issa, madwar 2,500 persuna, irreġistraw biex iżuru pajjiżna ma’ Nas Daily, bejn il-25 u t-30 t’Awwissu u bejn it-3 u t-8 ta’ Settembru.
Huwa għandu madwar 21 miljun segwaċi fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu.
Lura fl-2018, kien ġie Malta biex jiffilmja edizzjoni speċjali ta’ filmati, għall-elf ġurnata minn meta beda jdur id-dinja biex jippubblika dawn il-filmati.
Huwa kien anki organizza avveniment u ħoloq l-islogan, ‘Oh My Malta’.
Isem Malta kien issemma wkoll fi proġett li kien għamel sabiex jiddokumenta l-avventura tiegħu, “Around the World in 60 Seconds”.
Fih huwa ddokumenta l-elf jum u ż-żjarat tiegħu f’erbgħa u sittin pajjiż madwar id-dinja, li fosthom hemm Malta.