Wara nuqqas ta’ ħamsa u tletin sena, dawk kollha li l-Ħadd se jsegwu l-programm ta’ nar li hemm imħejji għall-festa ta’ Santa Marija f’Ħad Dingli, se jgawdu xeni spettakolari ta’ nar maħdum mid-Dinglin għad-Dinglin.
Għall-ewwel darba f’ħamsa u tletin sena, in-nar kollu li se jinħaraq matul dan it-tmiem il-ġimgħa, inħadem mid-Dinglin membri fil-Kamra tan-Nar 19 ta’ Marzu tar-Rabat.
L-aħħar festa li fiha nħaraq in-nar maħdum mid-Dinglin kienet dik tal-elf disa mija tnejn u tmenin meta fl-istess sena kien ġie revokat il-permess tar-razzett tan-nar f’Ħad Dingli.Minn dak iż-żmien sal-lum, id-Dinglin kellhom jixtru n-nar minn kmamar oħra, kif spjega Kristinu Zahra – il-President tal-Kummissjoni Nar fi ħdan l-Għaqda Mużikali Santa Marija.
Minkejja li mhux l-akbar spettaklu tan-nar li se jkun hawn fil-pajjiż fl-aħħar tal-ġimgħa, is-Segretarju tal-Kummissjoni Karl Rueth jgħid li din is-sena kellhom aktar liberta’ fl-għażla tan-nar.
Il-qofol tal-ispettaklu jintlaħaq il-Ħadd filgħaxija wara l-marċ ta’ filgħaxija x’ħin tidħol il-vara ta’ Santa Marija lura fil-Knisja, meta minn fuq il-każin ta’ Santa Marija tefa’ ta’ ġebla ’l bogħod mill-Knisja se tinħaraq ħarqa li se tpaxxi ’l għajn ta’ dawk kollha li se jimlew il-pjazza ta’ Ħad Dingli.