Il-Ministru Carmelo Abela rringrazzja lis-setturi kollha tan-negozju u lill-ħaddiema tal-isforzi tagħhom tul l-imxija tal-COVID-19. Kien grat ukoll għall-kontribuzzjoni tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija li mxiet skont il-patt soċjali li ntlaħaq bejn il-gvern u s-sħab soċjali, partikolarment l-għotja tal-pagi matul l-imxija tal-COVID-19. Nhar il-Ħamis, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli għad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg, Carmelo Abela, flimkien mad-Direttur Ġenerali Diane Vella Muscat kienu l-mistednin prinċipali tal-ewwel Q&A webinar organizzat mill-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija.
Għal dan il-webinar attendew u pparteċipaw aktar minn 200 persuna minn oqsma differenti tan-negozju. Staqsew dwar kwistjonijiet marbuta mal-kundizzjonijiet tax-xogħol tul l-imxija. Twieġbu aktar minn 60 mistoqsija li kienu ġejjin mis-settur privat fosthom mingħand kapijiet eżekuttivi, kapijiet finanzjarji u persuni li jaħdmu fir-riżorsi umani. Il-mistoqsijiet iffukaw l-aktar fuq il-proċeduri differenti ta’ applikazzjoni għal permessi mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg sabiex dawn ibiddlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol filwaqt li jimxu skont il-Liġi tal-Impjiegi. It-temi diskussi tul il-laqgħa kienu l-leave sfurzat, il-leave mingħajr ħlas, il-ħinijiet imnaqqsa, il-ftehimiet mal-ħaddiema u l-leave għall-kwarantina.
Matul din is-sessjoni, il-Ministru Abela ħa nota tat-tħassib ta’ min iħaddem u żgurahom li l-gvern qed isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni biex ikun jista’ jevalwa l-impatti tas-sitwazzjoni li ġabet magħha l-COVID-19 fuq l-ekonomija u x-xogħol. Qal li hu konxju mis-sagrifiċċji li kellhom jagħmlu l-persuni kollha li jħaddmu u li huma ta’ rieda tajba sabiex iħarsu x-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħhom. Serrħilhom rashom li l-gvern qed jagħmel dak kollu li jista’ billi jalloka miljuni ta’ ewro biex ikun jista’ jżomm l-għotja tal-pagi.
“Aħna fost l-ewwel stati membri tal-UE li mhux biss ħabbarna l-għajnuna finanzjarja, iżda li qed nagħtuha. Grat għal dan l-isforz u li nżamm il-patt soċjali li ntlaħaq fl-MCESD, speċjalment fir-rigward tal-ammonti li kellhom jingħataw minn min iħaddem apparti l-għotja tal-gvern. Qed nitkellmu dwar nies. Ejja nagħmlu l-qalb bl-isforzi komuni tagħna u bl-effett li dawn qed iħallu fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-ħaddiema tagħna. Nafu li tridu toħorġu l-flus mir-riżorsi tagħkom stess f’dan iż-żmien diffiċli li matulu naqas id-dħul tagħkom. Il-gvern tabilħaqq jirrikonoxxi u japprezza dan l-isforz. Iżda jibqa’ d-dmir tagħna li nagħmlu mezz li dak li sar qbil fuqu jkun onorat minn kulħadd”, qal il-ministru.
Żied jgħid li meta Malta tqis il-pakkett li tat bħala pajjiż u tqabblu ma’ dak ta’ stati membri oħrajn tal-UE u ma’ pajjiżi oħrajn fil-bqija tad-dinja, hu wieħed tajjeb. “Forsi mhux biżżejjed għal xi uħud, iżda meta tqis l-inizjattivi kollha, żgur li nistgħu nkunu sodisfatti, speċjalment meta nqabblu lilna nfusna mal-oħrajn”. Irrikonoxxa l-fatt li l-gvern jeħtieġlu jkun attent u konxju mid-diffikultajiet li jġib miegħu l-ftuħ tal-ħwienet għas-sidien ta’ dawn il-ħwienet u l-ħaddiema. “Il-ftuħ gradwali mill-ġdid hu tajjeb. Hu l-ewwel pass lejn in-normalità.
Iżda konxji mill-fatt li dan ma jfissirx li se jkollok l-istess dħul bħal qabel. Se nkomplu nsegwu mill-qrib is-sitwazzjoni, se nkunu proattivi u se ngħinu f’każ li jkun hemm il-ħtieġa ta’ aktar għajnuna. Qed nagħmlu dan b’diskussjonijiet regolari mal-Kamra tal-Kummerċ u ma’ partijiet ikkonċernati oħrajn. Il-qofol ta’ dan kollu hu li nkomplu naħdmu flimkien”, enfasizza l-Ministru Abela.
Fil-bidu tad-diskors tiegħu, il-Perit David Xuereb enfasizza l-importanza tar-relazzjoni bejn min iħaddem u l-ħaddiema tagħhom. Qal li r-riżorsi umani ta’ kumpanija f’ekonomija li kull ma jmur jiżdidilha l-valur huma, possibilment l-akbar riżorsa li jista’ jkollha. “Din hija r-raġuni għaliex il-Kamra tal-Kummerċ ħadmet qatigħ sabiex tipproponi soluzzjonijiet prattiċi lill-gvern biex jitħares ix-xogħol matul dan iż-żmien ta’ kriżi ekonomika” qal David Xuereb.
“Is-suċċess tan-negozji tagħna f’dan iż-żmien ta’ sfidi straordinarji, se jistrieħ fuq ir-reżiljenza, il-kapaċità tagħna li nadattaw u l-kapaċità tagħna li nkunu innovattivi. Jeħtieġ niżguraw li n-negozji tagħna huma konxji mill-opportunitajiet li hawn f’din in-normalità l-ġdida, u nużawhom sabiex nadattaw u nkunu innovattivi. Ma nistgħux nistennew li tgħaddi l-maltempata, irridu nitgħallmu nikbru llum stess” qal is-Sur Xuereb.